“Mixtrijin? Mhux aħna” – Jean Claude Micallef

Fl-isfond tad-diskussjoni dwar tibdil dwar is-sigħat tal-ħatriet qam battitbekk bejn id-deputat Nazzjonalista Chris Said u membru tal-Gvern Jean Claude Micallef.

Hekk kif il-ġimgħa li għaddiet il-parlament reġa’ beda jiltaqa’ wara l-btajjel tas-sajf, l-aġenda kienet iddomindata minn sett ta’ emendi li jagħmlu parti mir-riforma maqbula mal-Kummissjoni Venezja dwar tibdil fil-ħatriet pubbliċi li għandhom iwasslu għal governanza tajba. Qabel is-sajf, il-Gvern u l-Oppożizzjoni kienu qablu fuq l-ewwel disa’ liġijiet li għaddew b’mod unanimu iżda d-diverġenza bejn iż-żewġ naħat reġgħet ħarġet fil-beraħ ilbieraħ meta l-Gvern ippropona li ħames bordijiet jinħatru mill-kabinet u mhux aktar mill-Prim Ministru.

Fil-fatt, il-membri tal-Kummissjoni għall-Impjieġi, il-gvernatur u deputat gvernatur tal-Bank Ċentrali, il-gvernaturi tal-MFSA, l-bord taċ-ċentru tal-Arbitraġġ u l-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data se jibdew jinħatru mill-kabinett. Madanakollu, l-Oppożizzjoni permezz tal-kelliem tagħha Chris Said qed tinsisti li tliet korpi kostituzzjonali oħra kellhom jiġu nklużi fit-tibdil li qed jsir, fejn irrefera għall-bord tal-Awtorità tax-Xandir, l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku kif ukoll il-Kummissjoni Elettorali.

Fil-eqqel tal-argument, Dr Said qal li d-deputati backbenchers huma ‘mixtrijin’ għaliex qed jingħataw impjieg mal-Gvern biex ma jikkritikawx lill-Gvern Laburista. Dan id-diskors ma niżilx tajjeb għad-deputat Laburista Jean Claude Micallef li fit-tmiem id-diskors ta’ Said qam biex jagħmel punt ta’ kjarifika. Huwa insista li la ngħata konsulenza u wisq inqas impjieg mal-Gvern. Micallef insista li ma jaċċettax min isejjaħlu jew isejjaħ lill-backbenchers l-oħra mixtrijin.

Kien imiss lid-deputat Nazzjonalista David Thake jitkellem u dlonk irrisponda lil Micallef billi qallu li l-kumment tiegħu kien qisu appell lill-Gvern biex ma jinsiehx.