Mixli b’feriti gravi wara attakk bi flixkun tal-ħġieġ; drogi involuti

Miguela Xuereb

Raġel involut f’argument bi flixkun tal-ħġieġ nhar il-Ħadd li għadda ġie mixli weġġa’ lil sieħbu b’mod gravi.

L-argument seħħ nhar il-Ħadd, fil-11.30am fi Triq il-Kulleġġ l-Antik f’San Ġiljan. Iż-żewġ irġiel involuti spiċċaw isofru minn  ġrieħi gravi wara argument li waqtu intuża flixkun tal-ħġieġ.

Ir-raġel Serbjan, resident l-Iklin, ġie akkużat li weġġa’ lil sieħbu ta’ 46 sena b’mod gravi. L-argument seħħ fi flat fejn kien qed isir afterparty, wara party fil-miftuħ li seħħ f’għalqa f’Birżebbuġa. Il-Pulizija jissuspettaw li ammont kbir ta’ sustanzi illegali ntużaw waqt il-parties.

L-Ispettur Leeroy Balzan Engerer qal lil Qorti li kien hemm diversi xhieda, imma li m’għandux fiduċja li se joffru informazzjoni fuq il-każ. L-avukat tal-difiża ikkjarifika li ix-xhieda preżenti ma kinux f’sensihom fil- ħin li twettaq l-allegat reat.

Ir-raġel ġie mixli wkoll b’pussess tad-droga ecstasy u li kiser il-paċi pubblika. L-allegat vittma qiegħed l-Isptar, u se jitressaq il-Qorti mixli bil-parti tiegħu fil-ġlieda, peress li l-investigazzjoni tal-Pulizija allegatament ikkonkludiet li l-ieħor kien li attakka l-akkużat bi flixkun imkisser.

L-akkużat qal li mhux ħati, u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €5,000.