Mixjiet Favur il-Ħajja fl-Istati Uniti u madwar id-dinja

Il-Mixja Favur il-Ħajja li saret f'Chicago nhar il-Ħadd li għadda
Matul il-bqija ta’ dan ix-xahar, eluf kbar ta’ nies  Favur il-Ħajja mistennija jipparteċipaw f’Mixjiet apposta li se jkunu  organiżżati f’diversi stati Amerikani u f’pajjiżi oħra madwar id-dinja.
Fl-Istati Uniti l-parteċipanti f’dawn il-mixjiet jieħdu wkoll l-okkażżjoni biex ifakkru s-sentenza li kienet ngħatat mill-Qorti Suprema Amerikana fl-1973 li permezz tagħha l-abort fl-Istati Uniti ma baqax illegali.
F’Chicago, il-Mixja Favur il-Ħajja saret nhar il-Ħadd li għadda u għaliha attendew eluf li barra n-nies tal-lokal kienu jinkludu oħrajn minn Illinois, Wisconsin, Indiana, Michigan, Iowa u Missouri.
Il-ġurnata bdiet b’rally għaż-żgħażagħ, quddiesa fil-Katidral tal-Isem Imqaddes, u ikla li l-qliegħ minnha mar biex jgħin lill-organiżazzjoni ‘Aid for Women’  li tgħin nisa tqal. Wara nofsinhar saret mixja lejn il-Federal Plaza u rally li fih il-kelliema kienu jinkludu lill-Kardinal Blase Cupich;  Pat McCaskey, sid it-tim ta’ Chicago Bears, Jeanne Mancini, President tal-Mixja għall-Ħajja u Ryan Bomberger li waqqaf il-Fondazzjoni Radiance.
It-tema magħżula għal din is-sena hi “Uniċi mill-Ewwel Ġurnata” li tenfasiżża li t-teknoloġija medika tafferma li l-Ħajja tibda mill-Konċepiment. Il-messaġġ hu li hemm sinkroniżmu bejn ix-xjenza u l-fidi fejn tidħol l-uniċità ta’ kull ħajja. Li tkun favur il-ħajja ma jfissirx li tkun kontra x-xjenza, anzi l-kuntrarju. L-avvanzi fil-qasam mediku u dak teknoloġiku jkomplu jaffermaw il-kawża Favur il-Ħajja, jiġifieri li l-ħajja tibda mill-fertiliżazzjoni, mill-ewwel ġurnata meta l-bajda tiltaqa’ mal-isperma u jinħoloq embrijun uman uniku.
Kevin Grillot, viċi president tal-Mixja għall-Ħajja f’Chicago,  qal lill-Catholic News Agency li “permezz tax-xjenza nafu fejn tibda l-ħajja u kemm hu sabiħ li kull persuna, mill-mument tal-konċepiment, id-DNA tiegħu jiddistingwih. Kull persuna hi unika u distinta mill-bnedminl-oħra kollha mill-mument tal-konċepiment”.
Iżda l-aktar li spikka kien Ryan Bomberger, li qal li  għalih il-kwestjoni Favur il-Ħajja hi biċċa personali għax hu twieled minn stupru. Hu qal li filwaqt li l-aborti wara stupru huma biss 1% tal-aborti kollha li jsiru fl-Istati Uniti, spiss jintużaw biex jiġġustifikaw id-99% tal-aborti l-oħra.
“Bħala wieħed li hu meqjus bħala eċċezzjoni, it-tema magħżula għal din is-sena hi ta’ nteress partikolari għalija. Li tkun Favur il-Ħajja jfisser li int Favur ix-Xjenza, Favur in-Nisa, Favur it-Trabi, Favur il-Familja”, qal Bomberger lill-Catholic News Agenzy.
Id-diskors tiegħu fir-rally ta xhieda tal-istorja tiegħu nnifsu bħala eżemplu tal-valur ta’ kull ħajja umana u dan għandu jikkonvinċi persuni oħra biex joħorġu miż-żona komda tagħhom u jgħinu lil dawk li qed jiffaċċjaw tqala mhux mixtieqa.
“Jien persuna li ommi li wellditni għażlet li tkun aktar b’saħħitha mill-vjolenza tal-istupru u mhux biss wellditni imma adottatni wkoll”.  Illum, dan ir-raġel għandu erbat’ itfal li tnejn minnhom huma adottati. “Li tkun  adottat u maħbub u issa int stess tadotta u tħobb, hi ħaġa mill-isbaħ. Irrid nagħmnel enfasi fuq l-adozzjoni.  Ma tistax tiġġieled l-abort jekk ma titkellimx ukoll fuq l-adozzjoni.  Jekk ma tagħmilx hekk qisek bdejt titkellem u ma spiċċajtx is-sentenza”.
 Sadattant, numru ta’ Mixjiet Favur il-ħajja qed ikunu organiżżati fi stati differenti tal-Istati Uniti f’dawn il-jiem
 F’Denver il-Mixja saret fit-12 ta’Jannar u wara laqgħa fil-Knisja tal-Madonna ta’ Lourdes bit-tema “Niċċelebraw il-Ħajja”.
F’Los Angeles il-mixja se ssir jumejn oħra, fid-19 tax-xahar u wara r-rally se ssir Quddies tal-Mejtin b’sufraġju tat-Tfal Mhux Mitwielda fil-parroċċa tal-Madonna tal-Anġli.
F’diversi pajjiżi oħra fosthom Franza, il-Polonja, l-Italja, il-Filippini se jkunu organizzati Mixjiet Favur il-Ħajja.
Min-naħa tiegħul-Papa Franġisku f’dawn il-jien inkoraġixxa dawn il-Mixjiet u ħeġġeġ lill-Kattoliċi li huma Favur il-Ħajja biex jipparteċipaw fihom u juru l-apprezzament tagħhom għar-rigal tal-ħajja filwaqt li jipprotestaw kontra l-abort  li hu l-akbar ksur tad-drittijiet tal-bniedem.