Mixja ta’ solidarjetà kontra l-vjolenza domestika

Il-Fondazzjoni għad-drittijiet tan-Nisa qed torganizza Mixja ta’ Solidarjetà fid-dawl ta’ l-aħħar femiċidju li seħħ f’pajjiżna.

Il-mixja li se ssir nhar is-Sibt li ġej se tibda għal ħabta tal-10am quddiem Bieb il-Belt.

F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, il-fundatriċi Lara Dimitrijevic qalet li minkejja l-femiċidju mhux fenominu tal-lum, l-erba’ nisa li nqatlu mill-irġiel tagħhom matil dan is-sajf juri li dan qed jerġa’ jgħolli rasu.

Hi qalet li f’Malta għandna qed ngħixu f’soċjetà maskilistà fejn in-nisa dejjem huma ħajta għall-azzjonijiet tagħhom waqt li l-aggressur qatt mhu ħati.

Dr Dimitrijevic qalet li minkejja li Malta riċentiment irratifikat l-konvenzjoni ta’ Istanbul , addottata mill-kunsill tal-Ewropa  kontra il-vjolenza fuq in-nisa, ironikament, erba’ nisa tilfu ħajjithom.

F’ Lulju żewġ aħwa anzjani inqatlu fir-residenza tagħhom fil-Għargħur. Ħmistax wara, mara Olandiża fdat f’ għonqha mħanxar wara argument ma’ żagħżugħ Olandiżi. Il-bieraħ, omm ta’ sitt itfal spiċċat fgata f’ Raħal il-Ġdid mis-sieħeb tagħha, raġel ta’ 25 sena mill-Kosta tal-Avorju.

Minkejja l-introduzzjoni tal-ordni tal-protezzjoni temporanju, xorta l-vittmi iridu jagħmlu rapport f’għassa tal-pulizija li imbagħad jieħdu xhur sakemm il-każ jitressaq il-qorti.

Hija qalet li preżentament il-piż qed jitpoġġa fuq il-vittma aktar minn fuq l-awtoritajiet biex jinfurżaw ordni tal-protezzjoni meta l-aggressur jikser il-kundizzjoni ta’ din il-protezzjoni.

Il-Fondazzjoni għad-drittijiet tan-Nisa qalet li bħalissa qed tgħin mara, vittma ta’ vjolenza domestika li għamlet mandat il-Qorti għal ksur tad-drittijiet umani wara li ordni għal protezzjoni baqgħet ma kenitx osservata mill-ex sieħeb tagħha u l-awtoritajiet baqgħu ma ħadux azzjoni kontrih.

Hija saħqet il-liġijiet għandhom jiġu osservati f’mod konsistenti waqt li l-awtoritajiet għandhom ineħħu il-piż minn fuq il-vittma biex tittieħdet azzjoni lejn l-aggressur. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet għandhom jaħdmu fuq pjan edukattiv biex jitqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza u l-protezzjoni fuq il-vjolenza għandu tkun parti mill-kurrikulu nazzjonali.