Mixja ta’ 20 minuta kuljum qabel ma jibdew l-iskola f’San Ġwann

Arkivji

Read in English.

Ta’ kull filgħodu fit-8.10am it-tfal tal-‘Breakfast Club’, l-għalliema, il-ġenituri u t-tfal li jkunu qed jistennew barra l-grada tal-iskola Primarja ta’ San Ġwann, qed jiġu mħeġġa jingħaqdu mal-kap tal-iskola biex jagħmlu mixja ta’ 20 minuta flimkien.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-attività li jisimha ‘Daily Mile’ tibda minn fejn il-bini tal-Kindergarten u tibqa’ sejra għall-grawnd tal-futbol ta’ San Ġwann li hemm aċċess għalih minn ġewwa l-iskola stess.

Permezz ta’ din l-inizjattiva l-iskola qed tipprova tqajjem kuxjenza dwar l-importanza tal-mixi u s-saħħa fiżika kemm fil-kbar kif ukoll fiż-żgħar. Ġie spjegat li kulħadd qed jiġi bi ħġaru u ħerqan għal din il-mixja u saħansitra tfal li kienu jiġu tard l-iskola qed jippruvaw jiġu kmieni biex jagħmlu l-mixja.

L-iskola spjegat kif din is-sena ħadet sehem f’diversi proġetti, fosthom ta’ dak tas-Sustainable Mobility fejn saħqu u ħadmu fuq l-importanza tal-mixi u aktar użu tar-roti sabiex ukoll jitnaqqas it-tniġġiż fl-arja.