Mixja, qadfa u ġirja għad-Dar tal-Providenza

Il-Grupp Żgħażagħ Gudja se jorganizza l-ewwel edizzjoni tal-“Mixja, Qadfa, Ġirja” b’risq id-Dar tal-Providenza.
Din l-attività se ssir nhar il-Ħadd 28 ta’ Settembru li ġej u se ssir bl-appoġġ ta’ RTK4Charity.
L-attività tibda fit-8.45 ta’ filgħodu mill-Pjazza tas-Siġġiewi u tispiċċa meta tintemm il-ġirja, li tibda quddiem il-Knisja Parrokkjali taż-Żurrieq fid-9.15 ta’ filgħodu.
Stefan Caruana, li huwa żagħżugħ minn dan il-grupp, qal li f’din l-attività kollettiva u sportiva se jipparteċipaw żgħażagħ u persuni minn oqsma differenti tal-ħajja.
Sostna li din turi wkoll li minkejja d-differenzi kollha, meta jkun hemm koordinazzjoni, xorta jista’ jintlaħaq għan partikolari.
Għal iktar informazzjoni, wieħed jista’ jibgħat imejl fuq walkcyclerun@dartalprovidenza.org jew iċempel fuq 79493923.