Mixja f’Sousse biex jitfakkru l-vittmi tal-attakk fuq bajja

Fil-belt ta’ Sousse, fit-Tuneżija, eluf ta’ persuni nġabru f’mixja biex jiddenunzjaw l-attakk f’bajja, mill-militanti tal-ISIS, li fih 38 persuna, il-parti l-kbira minnhom turisti, tilfu ħajjithom.
In-nies inġabru f’lukanda li kienet ukoll fil-mira ta’ wieħed mit-terroristi. Huma mxew minn hemm madwar it-toroq tal-belt biex juru simpatija mal-qraba tal-vittmi.
Intant il-Prim Ministru Tuneżin Habib Essid qal li fi żmien ġimgħa se jingħalqu mat-80 moskea fit-Tuneżija, li qal qed inisslu mibgħeda u setgħu wasslu għal dawn l-attakki. Huwa qal li diversi suldati se jkunu qed jintbagħtu biex jgħassu l-postijiet l-aktar frekwentati mit-turisti.
Dan l-attakk qed ikun meqjus bħala l-agħar wieħed fl-istorja riċenti tat-Tuneżija.
F’Marzu li għadda militanti qatlu 22 persuni, fil-Mużew Barbo fil-kapitali Tuneż.
Dan kien wieħed mit-tliet attakki li seħħew nhar il-Ġimgħa fi tliet kontinenti differenti.