Mitt familja fil-ġimgħa jirrikorru għas-servizzi tal-Food Bank

Mitt familja fil-bżonn tirrikorri għas-servizzi tal-Food Bank għax lanqas għandhom għaxja ta’ lejl.

Is-servizz li hu provdut mill-knisja Skoċċiża ta’ St Andrews fil-Belt toħroġ mal-mitt pakkett biex titmgħa mitt familja ta’ erba persuni fil-ġimgħa.

Meta kienet qed tieħu sehem fuq il-programm fuq l-RTK Follow-Up, Christina Lejman, voluntiera fi ħdan il-Food Bank qalet li bil-pakkett li jingħataw mill-Food Bank biss żgur li mhux se ikampaw ġimgħa.

“Il-pakketti ġeneralment ikun fihom kilo u nofs għaġin, kilo riso, żewġ bottijiet tadam u tlieta fożla fiz-zalza. Dan waħdu ma jwasslax sa’ tmiem il-ġimgħa żgur,” Lejman spejgat.

Hija qalet il-maġġoranza tal-familji huma Maltin, għall-kuntrarju tal-impressjoni li teżisti li huma il-barranin b’mod partikulari l-immigranti li jirrikorru għal dan is-servizz.

“Il-maġġoranza tan-nies huma anzjani li ma jwasslux sal-aħħar tax-xahar bil-pensjoni, oħrajn joqgħdu nieqsa mill-ikel biex iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u spejjeż oħra,” hi qalet.

Lejman qalet li l-Housing hija problema f’pajjiżna. “Kuntrarju għal dak li jingħat li f’Malta, in-nies huma sidien ta’ darhom, hemm parti sostanzjali tan-nies li ma jaffordjawx kirja u qed jgħixu 15 f’post wieħed. Hemm oħrajn li huma morda u m’għandhomx sostenn mingħand ħadd,” hi kompliet tgħid.

In-nies li l-foodbank  jgħin huma referuti mill-aġenzija Appoġġ u aġenziji soċjali oħra.

Hi appellat għal iżjed voluntiera kif ukoll donazzjonijiet tal-ikel biex il-foodbank ikun jista’ jibqa’ jgħin lin-nies fil-bżonn. In-nies jistgħu jiddepożitaw il-prodotti tal-ikel f’kaxxi apposta li jinsabu fis-supermarkets Valyou (Naxxar u Mellieħa), Smart (Birkirkara) u Pama (Mosta).