Mitrovic fi triqtu lejn Craven Cottage

Aleksandar Mitrovic se jitlaq lil Newcastle United hekk kif dawn tal-aħħar aċċettaw offerta ta’ £20m mingħand Fulham. L-attakkant Serb kellu diversi wirjiet pożittivi waqt li kien fi Craven Cottage b’self u xtaq li t-trasferiment mat-tim li għadu kemm ġie promoss isir permanenti.

Mitrovic skurja 12-il gowl fi 18-il logħba taċ-Championship u l-Cottagers kisru r-rekord tat-trasferimenti tagħhom sabiex akkwistaw lill-plejer ta’ 23 sena. Is-somma tat-trasferiment hija għola mit-£12.4m li Fulham kien taw lil Olympiacos għall-plejer internazzjonali Grieg Konstantinos Mitroglou fl-2014. L-ebda plejer ma skurja iktar gowls minn Mitrovic fiċ-Championship matul l-istaġun l-għadda wara d-debutt tiegħu ma’ Fulham fi Frar.