Mitluba passi mill-Europol b’rabta mal-abbuż sesswali tat-tfal onlajn

Rapport tal-Parlament Ewropew (PE) jappella lill-Europol biex jistabbilixxi sistemi anonimi fejn persuni jistgħu jirrapurtaw kontenut illegali, bħal materjal ta’ abbuż sesswali fuq it-tfal.
Dan ġie spjegat mill-Membru tal-Parlament Ewropew Miriam Dalli li nnegozjat emendi għar-rapport f’isem il-grupp tas-soċjalisti u d-demokratiċi.
Il-PE ivvota favur rapport li fost oħrajn jitlob għal azzjoni mill-Europol dwar l-abbuż sesswali tat-tfal onlajn. Ir-rapport jenfasizza li materjal ta’ abbuż fuq it-tfal mhux sempliċiment jiġi mblokkat imma jrid jitneħħa kompletament. Inkella dak il-materjal jibqa’ aċċessibbli għal persuni f’pajjiżi differenti fejn dak l-imblokkar ma jkunx sar. Għalhekk li l-Istati Membri għandhom jaċċertaw l-infurzar ta’ ISPs biex materjal bħal dan jitneħħa kompletament.
Ir-rapport jappella għal sigurtà aktar b’saħħitha għal infrastruttura sensittiva bħal grids tal-enerġija u smart grids fost l-oħrajn. Jappella wkoll lill-awtoritajiet biex jinkludu lil dawk li jissejjħu white hat hackers li huma persuni li jinvolvu ruħhom f’hacking biex isibu nuqqassijiet u illegalitajiet onlajn.
Ir-rapport kien approvat b’603 vot favur, 27 vot kontra u 39 astensjonijiet.