Mitluba azzjoni mill-Pulizija kontra l-kuċċier taż-żiemel li miet fil-Furjana

azzjoni Pulizija kuċċier żiemel Furjana
Arkivji

Il-Pulizija ntalbet tieħu azzjoni kontra l-kuċċier taż-żiemel li miet fit-8 ta’ Awwissu fil-Furjana.

Dakinhar, żiemel li kien qed isuq karozzin miet fil-Furjana. Kelliem għall-għaqda Animal Liberation Malta kien qal li jinsabu totalment diżgustati bil-każ.

Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Ambjent qal li d-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali ppreżenta kwerela lill-Pulizija ta’ Malta biex jittieħdu “proċeduri kriminali” kontra l-kuċċier taż-żiemel involut. Id-Direttorat qal li fil-ġranet li għaddew tlestiet in-nekrospija fuq iż-żiemel. L-eżami xjentifiku identifika l-fatturi illi wasslu għall-mewt taż-żiemel individwa s-sofferenza għall-fatt li ż-żiemel kien espost għas-sħana kif ukoll li f’dawn iċ-ċirkostanzi kien tiela’ telgħa wieqfa b’tagħbija u għaldaqstant ikkawżat temperatura eċċessiva tal-ġisem.

L-ebda azzjoni ta’ moħqrija fuq l-annimali mhi aċċettabbli

Id-Direttorat fakkar li “l-ebda  annimal  ma  għandu  jiġi  mġiegħel  isofri  uġigħ, tbatija jew dwejjaq mingħajr bżonn”, kif ukoll li “kull persuna għandha tieħu dawk il-passi raġonevoli f’kull ċirkostanza sabiex tiżgura li l-ħtiġiet ta’ annimal li hija responsabbli għalih, jew li taqbel li tieħu ħsieb, jintlaħqu hekk kif meħtieġ bi prattiċi tajba sabiex tiġi żgurata s-saħħa u l-benesseri tal-annimal.”

Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera u s-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri jsostnu illi l-ebda azzjoni ta’ moħqrija fuq l-annimali mhi aċċettabbli u għaldaqstant atti bħal dawn huma kundanabbli bla ebda riżervi.