Mitlub ruling dwar ix-xhieda ta’ Fenech Adami fil-PAC

L-Ispeaker tal-Parlament intalab jagħti ruling dwar x-xhieda taċ-Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi Beppe Fenech Adami.
L-istess kumitat bħalissa qed jiddiskuti l-operat tal-Wasteserv u fis-seduta li saret illejla kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn iż-żewġ naħat dwar meta għandna ttieħdet ix-xhieda ta’ Fenech Adami. 
Il-battibek inqala’ fil-bidu tas-seduta meta Fenech Adami bħala Chairman sejjaħ lid-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli biex tixhed skont kif talbu l-membri tal-Gvern.
Iżda d-deputat Laburista Robert Abela oppona u qal li l-Gvern qed jitlob li l-ewwel xhud għandu jkun id-deputat Nazzjonalista Fenech Adami.
Fenech Adami qal li biex jagħmel dan irid jinħatar membru ieħor floku u sostna li l-ebda membru min-naħa tal-Gvern ma indikalu fl-aħħar seduta li kienu se jitolbu lilu, tant li ġiet imsejħa tixhed id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli.
Abela qal li n-naħa tal-Gvern kienet diġà talbet li dan il-każ ma jkunx presedut minnu.
Fenech Adami qal li hu kien lest jixhed fis-seduta li jmiss u spjega li minħabba f’hekk trid titressaq mozzjoni fil-Parlament biex jinħatar Chairman ieħor.
Iż-żewġ naħat komplew isostnu l-pożizzjoni tagħhom u għalhekk intalab ruling. Il-laqgħa tal-Kumitat kienet sospiż sakemm jingħata r-ruling.
Madanakollu, fuq deċiżjoni ta’ Fenech Adami bħala Chairman tal-Kumitat, bdiet tinstema’ x-xhieda ta’ Portelli li kienet Direttur mhux eżekuttiv għal madwar ħames snin qabel l-2013. 
In-naħa tal-Gvern iktar tard irtirat it-talba għar-ruling minħabba li s-seduta tal-PAC kompliet. 
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Beppe Fenech Adami reġa’ ma riedx iwieġeb ta’ għemilu.  
Il-Partit qal li hu irrifjuta li jixhed quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi li qed jinvestiga l-operat tal-Wasteserv minkejja li fl-aħħar xhur kienu ppubblikati emails fil-midja li jqajmu mistoqsijiet dwar l-aġir ta’ Beppe Fenech Adami, deputati u uffiċjali oħra tal-Partit Nazzjonalista.