Read in English.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni talab liċ-chairperson tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb Mark Camilleri biex jirreżenja wara argument online mal-avukat tas-suspettat ewlieni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Camilleri qasam din l-aħbar huwa stess permezz ta’ ktiba fuq Twitter minħabba li huwa ġie mwaqqaf milli jikteb fuq Facebook wara li ppubblika dak li ngħad bejnu u bejn l-avukat Juliette Galea li ftit jiem ilu qalet li hija l-avukat ta’ Yorgen Fenech f’dak li għandu x’jaqsam mal-inkjesta pubblika.
Fuq Twitter, Camilleri kiteb li huwa ntalab jirreżenja mill-pożizzjoni tiegħu fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb mis-Segretarju Permanenti u żied li dan ġara wara li ngħataw ordnijiet politiċi. Camilleri ilu f’din il-pożizzjoni għal dawn l-aħħar seba’ snin.
Camilleri qal li huwa m’għandu l-ebda intenzjoni li jirreżenja.
L-Erbgħa, Camilleri ddefenda l-inkjesta pubblika u qal li dawk li m’għandhomx x’jibżgħu m’għandu jkollhom l-ebda problema jekk l-inkjesta pubblika tkompli.
Żied li huwa jinsab kuntent li permezz tal-inkjesta pubblika ħarġet iktar verità u huwa jissaportja l-bord biex ikompli jagħmel xogħlu ħalli toħroġ iktar il-verità.
Wara din l-istqarrija l-avukat Juliette Galea kitbet lil Camilleri fuq Facebook Messenger u qaltlu biex jara l-ittra li Fenech bagħat lill-Kunsill tal-Ewropa. Hija bagħtitlu l-link tal-ittra u qaltlu biex jaqraha kollha għax tispjega kif għandha ssir inkjesta pubblika u għala mhijiex waħda ġudizzjarja. Kompliet billi qaltlu li qiegħed jgħid affarijiet stupidi.
Camilleri staqsa, ‘Min qal li l-inkjesta pubblika mhix waħda ġudizzjarja?” Galea għajritu stupidu u huwa ddeċieda li jippubblika l-konverżazzjoni kollha fuq Facebook.
Il-kitba fuq Facebook ġiet irrapurtata u mħassra u huwa ma setax jikteb fuq Facebook għal 24 siegħa. Camilleri tella’ kollox fuq website li hija sigura miċ-ċensura.
Newsbook.com.mt bagħat mistoqsijiet lil Francis Fabri li huwa s-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Edukazzjoni.