Mitħna ta’ żmien il-Kavallieri se terġa’ tingħata l-ħajja

L-aktar mitħna tar-riħ antika f’Għawdex, u waħda mill-iżjed antiki tal-Gżejjer Maltin, se tkun qed tingħata d-dehra li jixirqilha hekk kif dalwaqt se jkun qed jibda xogħol ta’ restawr.
Fi stqarrija, il-Kummissjoni għall-Ippjanar qalet li approvat ix-xogħol ta’ restawr u dan se jkun qed jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-mitħna tmur lura għall-1719 u kienet inbniet fuq talba tal-Gran Mastru Perellos. Interresanti li din il-mitħna hija l-uniku waħda li t-torri tagħha huwa mibni fuq bażi ottagonali.
Biex din il-mitħna tkun tista’ titgawda aħjar, il-proġett se jkun jinkludi wkoll il-bini ta’ pjazza żgħira, fost oħrajn.
Il-bini se jkun jinkludi t-tneħħija tas-saqaf tal-konkrit u minfloku se jitpoġġew xorok tradizzjonali tal-ġebel.
Il-mekkaniżmu li bih kienet titħaddem il-mitħna se jkun maħdum mill-ġdid.
Minn ġewwa, il-mitna tinkludi intrata kbira, żewġt ikmamar paralleli u kċina fuq wara. Fin-nofs hemm garigor li jagħti għall-bejt tat-torri.
Għal xi żmien, il-mitħna kienet isservi bħala l-Każin tal-Banda tax-Xewkija.