Minn nhar it-Tnejn li ġej, se jibdew jiġu offruti mill-ġdid għadd ta’ servizzi fil-komunità mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, ħlief is-servizzi taċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva, tan-Night Shelters u tas-Silver-T.
Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Gvern dalgħodu, wara li saret konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa. Dan wara li nhar it-Tnejn li għadda bdew jiġu permessi ż-żjarat tal-qraba fid-djar tal-anzjani.
Is-servizzi li se jerġgħu jiġu fis-seħħ huma s-servizzi tal-Home Help, tal-Fiżjoterapija, tal-Podoloġija, tal-Occupational Therapy, tal-Comm Care, ta’ Respite fid-djar, ta’ Social Work, tad-Dementia Intervention Team, ta’ Handy Man u s-servizz offrut miċ-Ċentru Servizz Anzjan.
Is-servizzi kollha tal-komunità li se jipprovdu servizzi ġewwa d-djar tal-anzjani ħa jieħdu diversi miżuri ta’ prevenzjoni, qabel u waqt il-viżta.
Prevenzjonijiet qabel il-viżta
- Il-professjonisti għandhom iċemplu lill-anzjani u jikkonfermaw li m’hemm l-ebda esponiment għall-Covid-19, u jikkonfermaw li m’hemmx membri tal- familja li qegħdin kwarantina. F’każ li jikkofermaw li hemm xi tip ta’ esponiment, iż-żjara tiġi posposta;
- Tikkonferma li l-anzjani għandhom maskra jew visor;
- L-anzjani jintalbu jiftħu xi twieqi jew bibien biex jiżguraw li jkun hemm l-arja, preferibbilment 30 minuta qabel iż-żjara;
- Il-membri li jgħixu fid-dar biss għandhom ikunu preżenti;
- Il-professjonisti jridu jlestu tagħmir essenzjali (PPE’s) li se jkollhom bżonn waqt iż-żjara bħal visors, maskri, ingwanti, alcohol rub, fardal eċċ. skont l-esiġenzi tas-servizz;
- Il-professjonisti jridu jaħslu jdejhom qabel u wara li jidħlu ġod-dar.
Prevenzjonijiet mingħand il-professjonisti waqt il-viżta
- Il-persuni li qed joffru servizz iridu jilbsu visor, maskra fil-ħin kollu li jkunu ġod-dar;
- Iridu jaħslu jdejhom b’mod frekwenti;
- Jillimitaw il-kuntatt mal-uċuħ tal-affarijiet;
- Ma jpoġġux affarijiet personali tagħhom fuq l-uċuħ tal-affarijiet;
- Jillimitaw/Ma jmissux wiċċhom;
- Tinżamm 2 metri distanza mill-anzjan;
- Ma jkunx hemm iktar minn persuna waħda f’kull kamra;
- Iż-żjariet ikunu qosra u ffukati kemm jista’ jkun;
- Il-professjonist għandu jarmi l-ilbies protettiv f’borża f’kull żjara qabel ma jitlaq mid-dar tal-anzjan, sabiex din tintrema kif suppost;
- Jekk il-persuna li qed toffri servizz tħossha ma tiflaħx jew tħoss xi sintomi ma tistax tmur fid-djar tal-anzjani;
- Jekk is-sintomi tal-impjegati jippersistu trid tinforma lis-supervisor tagħha u ssir talba għall-Covid 19 Swab Test.
Fl-aħħar tal-ġurnata l-persuni li pprovdew servizz ineħħu u jaħslu l-ħwejjeġ li jkunu esposti għall-virus, u l-individwu jrid jinħasel.
Prevenzjonijiet minn Ċentru Servizz Anzjan
- Jistgħu jidħlu massimu ta’ 2 klijenti f’daqqa;
- Trid tinżamm id-distanza ta’ 2 metri bejn l-uffiċjali u l-klijenti waqt li qed jistennew biex jinqdew;
- Klijenti għandhom jilbsu maskra jew visor biex ikunu jistgħu jiġu assistiti;
- Klijenti jridu jaħslu jdejhom bl-antiseptic rub qabel ma jidħlu u tittiħdilhom it-temperatura;
- Il-klijenti għandhom iżommu d-distanza billi jżommu mat-tape li hemm immarkat mal-art;
- Jekk il-klijenti ma josservawx ir-regolamenti jistgħu jiġu rrifjutati milli jidħlu;
- L-uffiċjali preżenti ġewwa Ċentru Servizz Anzjan iridu jilbsu visor;
- Se jkun hemm disponibbli hand sanitizer fl-entratura u f’kull kamra fejn hemm kull uffiċjal li jaħdem f’Ċentru Servizz Anzjan.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.