Mit-Tnejn jerġgħu jibdew l-eżamijiet għal-liċenzja

karozzi

Mit-Tnejn se jerġgħu jibdew l-eżamijiet għal-liċenzja tas-sewqan.

Fi stqarrija Transport Malta qalet li dan japplika għall-eżamijiet prattiċi u tat-teorija. Dawn kienu twaqqfu f’Marzu minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Issa l-eżamijiet se jkomplu fil-kategoriji kollha, l-A tal-muturi, B, tal-karozzi, C u D għall-vetturi kummerċjali, kif ukoll għaċ-ċertifikat ta’ kompetenza professjonali.

Se jiġu introdotti proċeduri ġodda. Fil-vettura jista’ jkun hemm biss l-istudent u l-eżaminatur. L-għalliema mhux se jirkbu magħhom. It-twieqi jridu jinżammu miftuħa u l-eżaminaturi se jilbsu visor. L-istudenti jridu jilbsu visor jew maskra.

Transport Malta qalet li l-vetturi se jkunu diżinfettati qabel kull eżami.

“Fil-każ tal-muturi, mhux se jintużaw r-radjijiet għaldaqstant, għal kuntrarju ta’ kif kien isir qabel, ir-rotta se tkun stabilita minn qabel,” qalet TM.

Uffiċjali ta’ Transport Malta se jieħdu t-temperatura tal-kandidati jew tal-għalliema u jirrifjutaw l-eżami lil dawk li juru xi sintomi.

TM qalet li l-għalliema vulnerabbli, minħabba saħħithom jew is-saħħa ta’ familjari jistgħu jitolbu l-posponiment tal-eżamijiet.

Il-proċeduri f’iktar dettal u iżjed informazzjoni tinsab hawn.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn