Mit-Tnejn direttivi tal-UĦM fl-isptarijiet

mater_dei

Read in English.

Minn għada t-Tnejn mistennija li jiġu sospiżi għadd ta’ servizzi fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex. Id-direttivi se jaffettwaw l-operazzjonijiet skedati li jsiru minn għada t-Tnejn ‘il quddiem, il-ħidma fil-laboratorji tal-isptar u s-servizzi l-oħra mogħtija mill-professjonisti tas-saħħa li huma membri tal-UĦM.

Dan hekk kif il-UĦM Voice of the Workers mistennija li toħroġ għadd ta’ direttivi għall-membri tagħha fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-isptar Monte Karmeli, ir-Residenza San Vinċenz de Paul, l-Isptarijiet Karin Grech u San Luqa u dawk li jaħdmu fil-kura tal-Anzjani, Primarja u fis-Saħħa Pubblika.

Id-direttivi se jolqtu lill-Allied Health Professionals kollha li jinkludu lill-

  • Audiologists,
  • Occupational Therapists,
  • Dental Hygienists,
  • Dental Technologist,
  • Biomedical Scientists,
  • Physiotherapists,
  • Speech Language Pathologists,
  • Radiographers,
  • Podiatrists.

L-azzjonijiet mhux se jfixxklu s-servizzi li qed jingħataw b’rabta mal-pandemija tal-Covid-19 iżda fl-istess ħin se jagħtu vuċi lill-istess professjonisti.

Ftehim ilu li skada tliet snin

Id-direttivi ta’ għada se jsiru minħabba li l-ftehim ilu li skada tliet snin. L-Assistant Direttur tal-UĦM Gian Paul Gauci qal ma’ Newsbook.com.mt li d-direttivi jibqgħu fis-seħħ sakemm “ikun hemm qbil mal-Gvern fuq dawn il-professjonisti jew ikun hemm dokument li jilħaq l-aspirazzjonijiet tagħhom”.

Gauci qal li n-negozjati mal-Gvern bdew f’Ottubru u Novembru tas-sena li għaddiet fejn kienu jsiru taħditiet kull ġimgħa. Spjega li n-negozjati kellhom jieqfu minħabba r-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat u ma komplewx qabel Lulju ta’ din is-sena.

Qal li minn dakinhar saru biss tliet laqgħat li fihom “il-Gvern għamel minn kollox biex ma jintlaħaqx qbil flok ħa azzjoni”.

Gauci qal ukoll li l-professjonisti mhux qed ilaħħqu max-xogħol speċjalment bil-pandemija tal-Covid-19. Qal li mhux qed jinstabu ħaddiema biżżejjed għaliex il-paga mhix attraenti. Stqarr li l-proposti tal-UĦM jagħtu dinjità lil dawn il-professjonisti u jwittu t-triq biex aktar studenti jagħżlu din il-professjoni.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn