Mit-teknoloġija tal-logħob għall-immaniġġjar tal-ġisem fil-FICTeX l-Università

Studenti mill-Fakultà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT) tal-Università ta’ Malta se jkunu qed jeżebixxu l-proġetti tagħhom fil-FICTeX, il- Wirja Annwali tal-Fakultà tal-ICT.
Tul is-serata, li se tkun inawgurata mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, se jintwerew madwar 80 proġett ta' xogħol żviluppat mill-istudenti tal-Fakultà li qegħdin fl-aħħar sena tal-ewwel grad u jingħataw premjijiet li jirrikonoxxu l-kisbiet akkademiċi.
Il-proġetti se jkunu qed imissu diversi temi, fosthom l-immudellar tal-ġenom u x-xjenza tad-data, it-teknoloġija tal-logħob, l-analiżi u l-ipproċessar tal-immaġini u l-vidjo, il-monitoraġġ tal-ġisem, id-divertiment u sistemi inkorporati u disinn taċ-ċippi.
Il-wirja tal-proġetti tal-ICT se tkun miftuħa għall-pubbliku nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Lulju, bejn il-5pm u t-8pm fil-Fakultà tal-ICT.