Filmat: “Mistiedna nħarsu lejn il-familja bl-għajnejn ta’ Kristu”

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li l-Eżortazzjoni Il-Ferħ tal-Imħabba, tistieden lill-Knisja kollha, jiġifieri lill-Insara, biex iħarsu lejn il-familja bl-għajnejn ta’ Ġesù.
Monsinjur Grech kien qiegħed jagħmel diskors waqt il-53 Kungress tax-Xirka tal-Isem Imqaddes ta’ Alla fil-Bażilika ta’ San Pietru u San Pawl fin-Nadur meta fakkar li Alla jfittex dak li huwa nieqes mill-perfezzjoni u jħares lejh bl-għajnejn tal-imħabba.
“Din hija l-attitudni ġdida li qed jipproponi l-Papa Franġisku fil-pastorali tal-familja,” qal Mons. Grech.
Huwa rrefera għar-rakkont tal-Liturġija tal-bieraħ u qal li l-għajnejn tal-bniedem jikkundannaw lill-Pietru li ttradixxa lil Ġesù. Iżda, il-ħarsa ta’ Ġesù ma teskludi lil ħadd kompla jgħid l-Isqof ta’ Għawdex.
"Ġesù ma jieqafx f’dak li huwa estern, imma ħarstu tinfed il-qalb fil-profondità tagħha fejn normalment jistrieħu x-xewqat sbieħ u tajbin tal-bniedem,” qal Mons. Grech.
Bl-istess mod, spjega l-Isqof ta’ Għawdex, l-ebda familja ma hi realtà perfetta u kompluta, iżda permezz tal-grazzja tiegħu, Alla jwieżen lill-familja biex pass wara pass tikber fil-ħila tagħha li tħobb.
“Dan ma jfissirx li ma hemmx ċirkostanzi fejn il-bniedem isib ruħu jagħmel dak li ma jridx,” kompla Mons. Mario Grech.
Saħaq li din hija l-istorja ta’ kull żwieġ u familja u għalhekk mhux sewwa li l-bniedem ikollu qalb xierfa u iebsa ma’ dawk li l-ħajja miżżewġa u familjari tagħhom tidher inqas perfetta.
“Fuq l-eżempju ta’ Kristu, għandna nfittxu li nitfgħu l-ħarsa kollha mħabba fuq dawn ir-realtajiet u naħarbu t-tentazzjoni li ngħaddu xi ġudizzju fuqhom,” ħeġġeġ Mons. Grech
Il-Knisja qed tħares lejn il-familja bl-għajnejn ta’ kristu u għalhekk dan qed inebbaħha biex tkun viċin koppji li għalkemm jgħixu flimkien mhux miżżewġa, ma’ dawk li jiżżewġu biss biċ-ċivil u ma min iddivorzja u reġa’ żżewweġ.
Fakkar li t-tagħlim tal-Papa mhu qed ibiddel l-ebda duttrina tal-Knisja. Li jrid il-Papa huwa li nbiddlu l-mod kif inħarsu lejn il-familja.
“Għalhekk, waqt li nesprimu b’mod ċar x’inhi d-duttrina, għandna nevitaw ġudizzji li jinjoraw il-kumplessità tad-diversi sitwazzjonijiet, u jeħtieġ inkunu attenti għall-mod kif il-persuni qed jgħixu u jbatu minħabba fil-qagħda tagħhom,” kkowta Monsinjur Grech mill-Eżortazzjoni.  
Temm jgħid li dan il-mod pastorali ġdid jista’ jwassal għal ħafna ġid u jimmotiva ħafna miżżewġin u familji biex jippruvaw jilħqu l-ideali għolja tal-Vanġelu.