“Mistħija għat-tixrid tad-demm kuljum” – il-Papa fil-Via Crucis

Il-Papa Franġisku iddeskriva bħala “tal-mistħija” id-demm innoċenti li qed jinxtered ta’ kuljum minn nisa, tfal, immigranti u persuni li huma persegwitati minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom jew minħabba reliġjon.
Fil-messaġġ tiegħu tal-Via Crucis quddiem il-Kolossew f’Ruma lbieraħ filgħaxija, il-Papa kkundanna wkoll is-silenzju tal-bniedem quddiem dawn l-inġustizzji.
Quddiem folla ta’ madwar 20 elf persuna, il-Papa kompla jgħid li huma tal-mistħija r-ritratti li qed naraw ta’ kuljum li juru qerda jew tiġrif, u li issa qal saru parti normali mill-ħajja tal-bniedem.
Tkellem ukoll dwar dawk li sejjaħ “il-ħafna skandli” fil-Knisja, u qal li dawn ukoll huma tal-mistħija meta xi isqof, saċerdot jew persuna konsagrata tweġġa’ lill-Knisja.
It-talba tal-Papa Franġisku iffukat ukoll dwar Kristu li jitkellem dwar qlub mimlija u ħerqana għat-tama, fejn qal li Alla ma jittrattax skont il-merti iżda skont il-Ħniena Divina.