“DCG qed tigdeb” – PM; “Egrant jirċievi aktar minn $1 miljun” – DCG

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu qal li Daphne Caruana Galizia qed tigdeb. Min-naħa tagħha l-ġurnalista ħarġet artiklu li fih kitbet li f'Marzu 2016, il-kumpanija Al Sahra FZCO rreġistrata f'Dubaj, għaddiet tranżazzjoni ta' aktar minn $1 miljun lill-kumpanija Egrant, li twaqqfet fil-Panama fl-2013.
Dawn kienu fost l-iżviluppi li ħarġu lllum dwar l-aħbar li ħarġet fuq is-sit ta' Caruana Galizia, dwar trasferimenti ta' flus kbar mingħand Leyla Aliyeva, bint id-dittatur Aliyev tal-Ażerbajġan, għall-kumpaniji li għandhom il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, kif ukoll lill-kumpanija Egrant, li s-sid tagħha għadu mhux ċar min hu.
“Daphne Caruana Galizia m’għandhiex provi" – PM
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li Caruana Galizia m'għandhiex provi biex tipprova l-allegazzjonijiet serji li qed tagħmel, u li wieħed irid jara x'jiġri jekk tibqa' ma tressaqx provi. 
Joseph Muscat saħaq li l-pożizzjoni tiegħu dwar il-Ministru Mizzi u Ketih Schembri ma nbidlitx anke fid-dawl tal-iżviluppi ġodda li ħarġu. Spjega li dan minħabba li "ma nbidel xejn". Il-Prim Ministru reġa' tenna għad-diċenza, filwaqt li saħaq li wieħed jista' jattakkah u jigdeb fuqu, iżda mhux fuq familtu. 
"Trasferiti $1 miljun lil Egrant" – DCG
Fl-artiklu li ppubblikat illum waranofsinhar, Caruana Galizia kitbet li minbarra t-trasferiment ta' $1 miljun fil-kont tal-kumpanija Egrant deskritt bħala 'ħlas ta' self', saru trasferimenti oħra. 
Żiedet tgħid li dawn kienu jammontaw għal $100,000 kull wieħed u li saru darbtejn f'ġimgħa għal diversi ġimgħat bejn Jannar u Marzu 2016. 
Il-ġurnalista kitbet ukoll li l-kumpanija Egrant, li rċeviet l-ikbar ammont ta' flus fost it-tliet kumpaniji fil-Panama, għandha wkoll kont fil-Bank Pilatus f'Malta. Madanakollu spjegat li l-flus ma daħlux f'dan il-kont u ġew trasferiti barra minn Malta. 
Kitbet ukoll li minħabba l-ammont sostanzjali, qamu diversi mistoqsijiet tant li rappreżentant tal-bank fl-Istati Uniti waqqaf it-tranżazzjoni, li eventwalment għaddiet wara ftit jiem, fuq insistenza kbira min-naħa ta' Nexia BT. 
"Egrant qatt ma kellha kont bankarju" – Nexia BT
Brian Tonna ta' Nexia BT fi stqarrija ċaħad li Egrant kellha kont bankarju. Stqarr li Egrant kienet tiegħu mill-bidu nett, li bħalissa qiegħda fil-proċess ta' likwidazzjoni. 
Żied jgħid li Egrant qatt ma rċeviet ħlas mill-kumpanija fl-Ażerbajġan u li qatt ma' sar kuntatt mal-Bank Pilatus.
Il-Bank Pilatus, ġie rreġistrat f’Malta mill-MFSA wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, iżda kien applika għal-liċenzja qabel. Huwa jopera minn bini f’Ta’ Xbiex. It-tim eżekuttiv tal-Bank Pilatus huwa magħmul minn erba’ persuni, li tnejn minnhom huma Maltin.
Konrad Mizzi jiftaħ it-tieni libell lil DCG
Sadanittant, aktar kmieni llum il-Ministru Konrad Mizzi ressaq it-tieni libell fil-konfront ta' Caruana Galizia, li talab biex jinstema' b'urġenza.
Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tgħid li dan il-libell sar b’rabta ma’ dak li sejjaħ allegazzjoni falza oħra tal-ġurnalista. 
Qal li mhux minnu li l-kumpanija tiegħu Hearnville, għandha kont fil-Bank Pilatus f'Malta jew f'bank f'Dubaj. 
Keith Schembri jiċħad li Tillgate għandha kont bankarju
Ħarġet ukoll stqarrija minn Keith Schembri, li ċaħad li l-kumpanija Tillgate kellha kont bankarju.
Huwa sfida lil Caruana Galizia jew lil kull persuna oħra biex tippreżenta l-provi kollha li għandha bla dewmien.
S'issa ma ħarġet l-ebda stqarrija li tgħid li Schembri fetaħ libell.