Is-sit Maltese Islands Weather spjega kif minħabba sistema ta’ pressjoni baxxa intensa fil-lvant tal-Mediterran, se jiġbed lejh arja kiesħa mis-Siberja fir-Russja. Is-sit spjega kif il-gżejjer Maltin mistennija jintlaqtu minn din il-kesħa.
Qed ikun imbassar li l-aktar tliet ijiem affettwati se jkunu l-Ħadd 29, it-Tnejn 30 u t-Tlieta 31 ta’ Diċembru. L-istess sit qed ibassar li t-temperatura billejl tista’ tinżel sa’ 6°c.
It-tbassir tat-temp skont l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta juri li fl-istess jiem it-temperatura tista’ tinżel sa massimu 7°c. Tul il-jum it-temperatura mistennija tvarja bejn id-9°c u l-10°c.
Dan ifisser li għal għeluq is-sena mistenni li t-temp jiksaħ sew. Dan mistenni jkun wieħed mill-aktar perjodu kiesaħ dan l-istaġun, hekk kif s’issa t-temperatura baqgħet aktar sħuna minn dik normali.