Mistennija t-3 mewġa tal-Covid-19 fil-bidu tal-2021 – WHO

people-wearing-masks-valletta-coronavirus-2
Miguela Xuereb

Il-kelliem għall-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) dwar il-Covid-19, David Nabarro qal li l-Ewropa mistennija tara t-tielet mewġa tal-pandemija tal-Covid-19 fil-bidu tal-2021 qabel l-introduzzjoni tal-vaċċin.

Ma’ Solothurner Zeitung, fl-Iżvizzera Nabarro qal li jekk il-Gvernijiet Ewropej ma bnewx l-infrastruttura neċessarja matul is-sajf, l-Ewropa se tesperjenza t-tielet mewġa.

Saħaq li l-Ewropa għandha fejn titgħallem ħafna mill-pajjiżi Asjatiċi u kompla li wieħed irid jirreaġixxi malajr kemm jista’ jkun u b’mod deċisiv. “Fil-bidu meta t-tixrid fil-komunitajiet kien bil-mod, ikun iktar faċli li tikkontrolla s-sitwazzjoni. Imma jekk tagħmel kollox nofs qalb, il-problema se tikber”, insista l-kelliem tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.

L-Ewropa li matul ix-xhur tas-sajf rat tnaqqis fin-numru ta’ infezzjonijiet, qed terġa’ tesperjenza żieda fil-każijiet.