Mistennija ritaljazzjoni mir-Russja kontra Malta – rapporti

BuzzFeed News qed jirrapporta li r-Russja mistennija tirritalja kontra Malta wara li Malta rrifjutat talba mill-Ambaxxata Russa biex ajruplani militari Russi jtiru fl-airspace Malti.

Qed jiġi rrappurtat li l-mira tal-attakk se jkun il-Prim Ministru Joseph Muscat b’kampanja ta’ misinformazzjoni fl-elezzjonijiet li ġejjin tal-Parlament Ewropew.

Newsbook.com.mt bagħat numru ta’ mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Malta rrifjutat talba mir-Russja biex tintuża’ l-airspace ta’ Malta biex itiru ajruplani militari tagħha mis-Sirja lejn il-Venzwela dan ix-xahar, skont BuzzFeed News.

Skont BuzzFeed, din il-mossa ġiet ġimgħat wara li Malta approvat talba simili mir-Russja. Ajruplani militari Russi dehru fuq it-tarmak tal-ajruport tal-kapitali tal-Venezwela, Caracas. Bħalissa l-pajjiż qed jaffaċċja protesti u instabilità politika.

Fit-23 ta’ Marzu, wieħed minn żewġ ajruplani militari Russi għadda mill-airspace ta’ Ċipru, tal-Greċja, u ta’ Malta.

Persuna b’kariga għolja fil-korp diplomatiku qalet lil BuzzFeed li l-aħħar talba mir-Russja saret mill-Ambaxxata tar-Russja f’Malta fil-Belt Valletta l-ġimgħa l-oħra. L-ambaxxata talbet għal permess biex żewġ ajruplani militari jtiru bejn is-16 u d-19 ta’ April mis-Sirja lejn Caracas u lura.

Skont it-talba tar-Russja li saret mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ta’ Malta, ir-raġuni tat-titjiriet ta’ dan ix-xahar kienet waħda ta’ natura umanitarja. L-ajruplani kienu se jġibu ikel, u speċjalisti mediċi li kellha bżonn il-missjoni diplomatika ta’ Moska fil-Venezwela. Intqal li l-ajruplani ma kienux se jkunu qed iġorru armi jew splussivi.

Skont BuzzFeed, aħbar li ajruplani militari Russi qed itiru mis-Sirja lejn il-Venezwela se tqajjem allarm fost il-komunità internazzjonali.

Il-Kremlin huwa wieħed minn dawk li qed jappoġġjaw lill-president tal-Venezwela Nicolás Maduro li qed jaffaċċja ħafna kritika. L-Unjoni Ewropea minflok qed tirrikonoxxi lill-kap tal-oppożizzjoni bħala l-president.