Mistennija riformi fil-mod kif art tgħaddi mingħand bidwi għal ieħor

Tnediet l-ewwel Politika Nazzjonali tal-Agrikoltura għall-10 snin li ġejjin, li fost l-oħrajn se tindirizza l-mod kif art tgħaddi mingħand bidwi għal ieħor.
Waqt it-tnedija fl-Iskola Sekondarja taż-Żokrija, fil-Kulleġġ Maria Reġina, Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li l-ewwel politika nazzjonali dwar l-agrikoltura se tgħin liż-żgħażagħ ikollhom futur fl-ekonomija rurali u fil-konservazzjoni.
Innota li hemm firxa ta’ studenti, iktar tfajliet milli ġuvintur kontra kull sterjotip, li wħud minnhom iċċaqalqu minn skola oħra għal opportunità differenti u issa sabu l-vokazzjoni tagħhom, u oħrajn li għażlu b’mod konxju din il-karriera fosthom studenti li ma kellhomx esperjenza ta’ biedja fil-familja.
Fisser ukoll kif ir-regolamenti kontra l-abbuż fit-trasferiment tal-artijiet bejn bidwi u ieħor qed iwasslu għal sitwazzjoni fejn art tispiċċa mitluqa minflok tgħaddi għand persuni oħra biex tinħadem.
Qal li l-Gvern jinsab fl-aħħar stadji biex iħabbar miżuri ġodda li jirrispettaw id-drittijiet tas-sidien imma li jiffaċilitaw it-tqassim ta’ postijiet agrikoli lill-bdiewa ta’ rieda tajba.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Clint Camilleri, spjega l-istruttura dan din l-istrateġija, bil-punti prinċipali, u l-isfidi involuti, u żied li l-għan hu li tiżdied il-kompetittività tal-bdiewa f’Malta, b’enfasi fuq il-kwalità u d-diversifikazzjoni.
Il-konsultazzjoni pubblika għandha l-għan li tagħti direzzjoni ċara lil dawk involuti fis-settur, kemm l-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu ċertifikazzjoni u permess, kif ukoll dawk il-persuni privati li jixtiequ jinvestu jew jiddiversifikaw l-operat tagħhom.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm il-Ministri Evarist Bartolo u Josè Herrera kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Chris Agius.
Il-konsultazzjoni pubblika tagħlaq nhar il-31 ta’ Marzu 2018 u aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn hawn.
Ritratt: Ian Noel Pace