Mistennija passi kontra l-avukati ta’ Yorgen Fenech

L-avukati ta’ Yorgen Fenech kienu ppruvaw jagħtu flus lil ġurnalist tat-Times

Ritratt: Miguela Xuereb

Read in English.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li l-Pulizija mistennija tieħu passi, mill-inqas kontra wieħed mill-avukati ta’ Yorgen Fenech. Dan wara li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tahom parir li hemm bażi għall-proċeduri, wara li wieħed mill-avukati ta’ Fenech kien prova jagħti flus lil ġurnalist tat-Times of Malta.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt jidher li l-passi se jittieħdu fuq dik li tissejjaħ graft –  tixħim, meta wieħed juża l-flus jew poter biex ikun influwenti fuq ħaddieħor.

Il-każ ġie żvelat fil-bidu ta’ Novembru li għadda meta t-Times of Malta ppubblikat ukoll l-istqarrija tal-Avukat Gianluca Caruana Curran, li fiha ammetta li offra xi rinumerazzjoni lill-ġurnalist Ivan Martin fi tmiem il-laqgħa tagħhom.

Ir-rapport tat-Times jispjega kif il-ġurnalist iltaqa’ mal-avukati ta’ Fenech Dr Caruana Curran u Dr Charles Mercieca l-Belt Valletta għal madwar 20 minuta. Fi tmiem il-laqgħa tagħhom, Dr Caruana Curran offra lil Martin bejn żewġ u erba’ karti tal-€500, iżda Martin irrifjutahom. Huwa qal li lanqas jaf kemm kien hemm flus eżatt għax ma ċċekkjax.

Meta rrifjuta l-offerta, Martin informa lill-avukat illi hu jitħallas biss mit-Times of Malta. Qal li l-avukat qallu li ma riedx jurih diżrispett u li offrielu l-flus għax qatt ma kellu xi laqgħa ma’ ġurnalist qabel. Min-naħa tiegħu, il-ġurnalist informa lit-tim editorjali tal-gazzetta b’dak li ġara.

Fl-istqarrija li għadda lit-Times, Dr Caruana Curran qal li l-ġurnalist ġegħilhom jaħsbu li kien qed joffri s-servizzi tiegħu biex jinnewtralizza r-rappurtaġġ fuq il-każ. Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black, qed jiġi akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dan il-każ ġie kkundannat mill-Editur tat-Times, mill-Istitut Ġurnalisti Maltin (IĠM) kif ukoll mill-Kamra tal-Avukati li tqis dan il-każ bħala wieħed serju ħafna u li kienet se tistaqsi lill-Kumitat għall-Avukati u l-Prosekuturi Legali biex jinvestiga l-każ.

Is-sentiment ta’ iben Daphne Caruana Galizia, Andrew, kien li biex offrew dan l-ammont lil ġurnalist, min jaf kemm jistgħu joffru lil uffiċjali pubbliċi u lil nies li jixhdu fil-każ.