Mistennija laqgħa bejn Trump u l-Papa

Il-kelliem uffiċjali tal-White House qal li t-tmexxija Amerikana qed tfittex li jkun hemm laqgħa bejn il-President Amerikan Donald Trump u Papa Franġisku, wara li uffiċjali għolja tal-Partit Republikan qed jinsistu li jkun hemm udjenza mal-Papa meta l-President Amerikan se jżur l-Italja ix-xahar id-dieħel.
“Qed nitkellmu mal-Vatikan biex naraw jekk nistgħux ninfilsaw udjenza mal-Papa”, qal Sean Spicer, kelliem uffiċjali tal-White House. “Ikun unur jekk ikollna udjenza mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa.
Min-naħa l-oħra, kelliem għas-Santa Sede qal li l-Papa jilqa’ bil-qalb laqgħa mal-President Amerikan u se jaraw kif jistgħu jakkomodaw din ix-xewqa għax ma jidhirx li hemm impenji oħra f’dawk il-jiem. “Sa tmiem il-ġimgħa li għadiet ma kienx għad kellna talba uffiċjali għal udjenza, iżda żgur nilqugħa” qal Greg Burke, il-kelliem tal-Vatikan.
Nornalment il-Vatikan jilqa’ t-talbiet kollha minn mexxejja dinjin biex ikollhom udjenza mal-Papa, għalkemm normalment dawn ikunu rranġati minn diversi xhur qabel. Iżda billi Trump għadu ġdid, aktarx li s-Santa Sede tagħmel dak kollu possibbli biex tilqa’ t-talba għal udjenza mal-President Amerikan li se jkun fi Sqallija għal laqgħa tal-G7 fis-26 u s-27 ta’ Mejju.  Qabel l-Italja Trump mistenni jmur Brussels għal laqgħa tan-NATO.
Aktar kmieni kien hemm rapporti li Trump mhux se jfittex li jkollu udjenza mal-Papa waqt li jkun l-Italja, minħahha raġunijiet loġistiċi u għax ħadd min-nies ta’ madwaru ma hu kapaċi jagħtih biżżejjed tagħrif għal udjenza mal-Papa.  Iżda l-kummenti tal-kelliem tal-White House juru li din l-udjenza issa hi aktar possibbli filwaqt li sorsi diplomatiċi qalu li din l-udjenza tagħmel sens politiku ladarba il-Kattoliċi huma l-akbar grupp fl-Istati Uniti.
Fl-aħħar 75 sena, il-Presidenti Amerikani użaw żjajjar tagħhom fl-Italja biex ikollhom udjenzi mal-Papa u kemm Obama kif ukoll George W Bush ħadu okkażżjoni minn laqgħat tal-G7 fl-Italja għall-ewwel laqgħat tagħhom mal-Papa.
Jekk Trump ikun fl-Italja u ma jiltaqax mal-Papa Franġisku, jagħmel ikrah ħafna fid-dawl tan-nuqqas ta’ qbil bejniethom dwar l-emigrazzjoni. Il-President Amerikan jaf li int fuq liema naħa int tal-politika qatt ma tajjeb li tattakka lill-Papa.