Mistennija jiġu ppreżentati l-konverżazzjonijiet ta’ Yorgen fuq WhatsApp din il-ġimgħa

REUTERS Yara Nardi

Din il-ġimgħa mistennija tkun waħda importanti fl-iżvilupp tal-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, billi fil-qorti għandhom jiġu ppreżentati l-konverżazzjonijiet ta’ Yorgen Fenech fuq WhatsApp.

Yorgen Fenech huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista, li seħħ fis-16 t’Ottubru tal-2017 fil-Bidnija. Hija nqatlet b’karozza bomba ftit ‘il bogħod minn darha stess.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Fenech għandha tkompli għada u nhar l-Erbgħa, meta għandhom jiġu uffiċjali tal-Europol biex jixhdu fil-qorti quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello li qed tippresiedi l-każ.

Il-Europol qiegħda tgħin lit-task force Maltija li twaqqfet biex tinvestiga dan il-każ. F’Malta l-investigazzjonijiet qed jitmexxew mis-Supretendent tal-Pulizija Keith Arnaud u mill-Ispettur Kurt Zahra, li jħarsu lejn il-lat tal-omiċidju tal-każ.

Fil-qorti din il-ġimgħa, is-Supretendent Arnaud qal li l-analiżi tad-data meħuda mill-apparat ta’ Fenech qed tieħu x-xhur għax hija voluminuża. Huwa kompla jixhed wara bibien magħluqa fl-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Caruana Galizia, kif ukoll fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Fenech, din il-ġimgħa wkoll.

Dwar il-Europol, fix-xhieda tiegħu Arnaud spjega li qabel il-pandemija l-investigaturi kienu jkunu Malta, iżda mindu faqqgħet il-pandemija, ikollhom kuntatt online biex jagħtu aġġornamenti lil xulxin. Xi uffiċjali Maltin marru jżuru lill-Europol barra minn Malta biex jgħinu lil xulxin fl-analiżi tal-informazzjoni, anke permezz tat-traduzzjoni ta’ xi messaġġi.

Waqt il-kumpilazzjoni din il-ġimgħa ntqal li fuq mowbajl minnhom, hemm 150,000 ritratt li se jwasslu għal aktar investigazzjonijiet.

Ix-xhieda ta’ Arnaud fil-kumpilazzjoni
Kumpilazzjoni Fenech: Arnaud jixhed wara bibien magħluqa

Barra mit-task force mmexxija minn Arnaud u Zahra, it-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi (FCID), immexxija mill-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, ukoll qed tanalizza l-apparat meħud mingħand Yorgen Fenech, iżda mil-lat ta’ reati finanzjarji.

Hi u tixhed fl-inkjesta pubblika, hija qalet li nfetħu diversi investigazzjonijiet minn dak li nstab fil-konverżazzjonijiet li kellu Fenech. Kull chat qed tiġi analizzata, evalwata, u jekk ikun opportun tinfetaħ investigazzjoni kriminali fil-konfront tal-persuna/i jew entità.

Dawn iċ-chats qed jiġu diskussi anke mal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, qalet Mamo.

Fl-apparat meħud minn Fenech, hemm diversi konverżazzjonijiet ma’ nies b’karigi għoljin, partikolarment ma’ politiċi. L-iżjed chat li ssemmiet hija dik bejn Fenech, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u ċ-Chief of Staff tiegħu Keith Schembri, kif ukoll dik bejn Fenech u Schembri.

Meta f’Awwissu, Muscat ġie interrogat mill-Pulizija, hu ġie interrogat fost l-oħrajn fuq din il-konverżazzjoni. Fl-aħħar ġimgħat, ġie rrappurtat li din il-konverżazzjoni tinkludi l-aktar ritratti u diskors fuq ikel, fuq xorb u fuq nisa. Jidher li Keith Schembri ġie interrogat dwar il-konverżazzjonijiet tiegħu ma’ Fenech ukoll.

Meta l-Ispettur Zahra kkonferma l-eżistenza ta’ chat bejn it-3 irġiel
Joseph Muscat ġie interrogat “taħt caution” – L-Ispettur Zahra

Issemmew għadd ta’ persuni oħra li kellhom konverżazzjonijiet ma’ Fenech fuq WhatsApp, fosthom il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u l-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona.

Fl-inkjesta pubblika, mistoqsi fuq dan, Zammit Lewis qal li ma qatax il-kuntatt minn ma’ Fenech mill-ewwel għax ma ħassx li se jtellfu f’xogħlu. Stqarr li jidhirlu li waqqaf il-komunikazzjoni “qabel sew” ġie arrestat Yorgen Fenech.

Fenech ġie arrestat f’Novembru tas-sena li għaddiet u ilu jinżamm taħt arrest preventiv minn dakinhar ‘l hawn.

L-eks Ministru Cardona qal fil-qorti li l-aħħar messaġġ tiegħu lil Yorgen Fenech kien fit-28 t’Awwissu tal-2019 u kkonċerna lezzjonijiet taż-żfin ta’ wliedhom.

Hu qal li kien juża WhatsApp ma’ Keith Schembri u Joseph Muscat, imma ma kienx involut fil-grupp bejn Schembri, Muscat u Fenech.

Is-seduta t’għada tal-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech għandha tibda fis-1.30pm. Newsbook.com.mt ikun qed jaġġornakom live mill-qorti. Imbagħad, il-kumpilazzjoni tkompli nhar l-Erbgħa.