Mistennija jiġu implimentati aktar miżuri dwar is-sigurtà fl-iskejjel

Il-Union tal-Għalliema tenniet il-pożizzjoni tagħha ta’ tolleranza zero għal każi ta’ aggressjoni u vjolenza fl-iskejjel u dan anke billi sar magħruf li nhar il-Ġimgħa intlaħaq qbil mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, rigward xi miżuri għall-aktar sigurta’ fl-iskejjel.

Hu mifhum li se jiġu identifikati l-iskejjel fejn hemm bżonn personell tas-sigurtà u wara konsultazzjoni mal-kapijiet tal-iskejjel jiġi wkoll identifikat x’ tip ta’ xogħol ieħor dawn il-ħaddiema jkunu jistgħu jagħmlu.

Id-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi se jkun qed jara wkoll kif fl-iskejjel jista’ jkun hemm reception area filwaqt li l-Ministeru u l-MUT se jwaqqfu kumitat apposta biex isir protokoll f’każi ta’ aggressjoni fuq l-għalliema u l-ħaddiema l-oħra fl-iskejjel.