Mistennija influwenza li tolqot kwart tal-popolazzjoni – Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li din is-sena Malta mistennija tfaqqa’ influwenza li se tolqot kwart tal-popolazzjoni.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament, Fearne qal li dan hu minħabba l-fatt li din is-sena l-Influwenza B li hija iktar qalila, laqtitna qabel l-Influwenza A u qed jiġi kkalkulat li 1 minn kull 4/5 persuni f’Malta se jieħu l-influwenza.

Fearne qal li dan wassal ukoll biex jiġu posposti numru ta’ operazzjonijiet f’Mater Dei peress li l-persuni li jagħtu d-demm naqsu minn 60 għal 30 persuna kuljum. Huwa qal li anki l-ħin tas-sigħat li wieħed qed jistenna biex jingħata sodda Mater Dei tela’ minn sitt sigħat għal 18-il siegħa. F’każ partikolari kien hemm persuna li damet tistenna 26 siegħa biex tingħata sodda.