Mistennija azzjoni dwar il-ħmieġ qrib il-Waterfront

It-triq tal-Waterfront fil-Belt se tibda tinħasel darbtejn fil-ġimgħa u meta jidħlu iktar cruiseliners mis-soltu, it-tindif se jsir iktar spiss.
Kelliema għall-Ministeru għall-Infrastruttura qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-ftehim intlaħaq f’dawn il-ġranet ma’ Valletta Cruise Port.
Ir-ritratti juru skart li kien ilu ma jinġabar tliet ijiem miż-żona fejn jinżammu ż-żwiemel qrib il-Waterfront, il-post fejn jaslu t-turisti permezz tal-cruiseliners.
Għadd ta’ persuni lmentaw ukoll fuq l-istat ħażin li tinsab fih it-tinda taż-żwiemel, fejn saħansitra tqaċċtet pompa tal-ilma li kienet intramat fil-post. Il-kuċċiera huma responsabbli mit-tindif u l-manutenzjoni tat-tinda.
Il-kelliema għall-Ministeru spjegat li t-tinda taż-żwiemel se tissewwa mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.
Spjegat li Transport Malta qiegħda f’kuntatt mar-rappreżentanti tal-kuċċiera biex tassigura li ż-żona tat-tinda tinżamm nadifa kif inhu xieraq.
Transport Malta mistennija wkoll tibgħat uffiċjali tagħha biex jinvestigaw rapporti li wħud mill-kuċċiera qed jaslu kmieni filgħodu u jifirxu saqqijiet mal-art biex jorqdu sakemm jibdew ix-xogħol bil-karozzini.  
F’ġurnata partikolari, fil-Port il-Kbir jidħlu ħames cruiseliners fl-istess ġurnata u fuqhom ikun hemm madwar 25,000 turist.
Ritratti: info@newsbook.com.mt