Mistenni verdett pożittiv għall-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech kontra l-coronavirus

L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina mistennija tħabbar verdett pożittiv rigward il-vaċċin tal-coronavirus ta’ Pfizer u BioNTech. Sors mill-Gvern Ġermaniż qal lil Reuters li dan il-verdett mistenni jitħabbar fit-23 ta’ Diċembru. Il-pressjoni saret wara li dan il-vaċċin diġà ġie approvat fl-Ingilterra u fl-Istati Uniti.

Aktar kmieni dan ix-xahar, il-Prim Ministru Robert Abela qal li għal Malta hemm assigurati numru ta’ dożi sabiex il-poplu kollu jkun imlaqqam u żied li t-teħid tal-vaċċin se jibqa’ b’mod voluntarju.

Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qalet li tinsab ħerqana li l-vaċċin ta’ Pfizer u BioNTech ħa jiġi approvat qabel il-Milied. Hija kompliet tgħid li l-ewwel Ewropej mistennija jirċievu l-vaċċin qabel l-2020.

Il-Ministru tas-Saħħa Ġermaniż Jens Spahn qal waqt konferenza tal-aħbarijiet li qiegħed jittama li l-Unjoni Ewropea tapprova l-vaċċin qabel il-festi tal-Milied. Aktar kmieni matul dan ix-xahar l-Aġenzija qalet li mistenija tħabbar il-viżjoni tagħha dwar il-vaċċin ta’ Moderna sa nofs Jannar.

Il-vaċċin ta’ Pfizer s’issa rċieva approvazzjoni mir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Bahrain u l-Arabja Sawdija.