Mistenni tibdil fil-proċess tax-xiri taż-żejt għal aktar trasparenza

Il-Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi, ħabbar li waħda mill-prioritajiet tiegħu se tkun il-bidla fil-proċess tax-xiri taż-żejt mill-Enemalta. Qal li dan it-tibdil hu maħsub biex iżid l-interess ta’ min jitfa l-offerti u jġib l-aħjar prezzijiet.

Aktar importanti, dan it-tibdil joffri wkoll aktar trasparenza fil-proċess wara l-allegat każ ta’ tixħim fil-proċess tax-xiri taż-żejt.

Konrad Mizzi qal dan waqt intervista li saret aktar kmieni illum fuq l-istazzjon nazzjonali. Hu tenna l-impenn tal-gvern li jraħħas il-kontijiet fi żmien sena.

Rigward l-interess għall-bini tal-impjant il-ġdid li se jaħdem bil-gass, il-Ministru qal li waqt il-kampanja elettorali diġa kien hemm kumpaniji li urew interess. Madankollu, jidher li l-interess żdied wara li ġie elett il-gvern ġdid u qal li saħansitra anke l-ambaxxati qed jitolbu aktar informazzjoni.

Rigward l-aħħar żviluppi dwar il-bini tal-interconnector bejn Malta u Sqallija, Konrad Mizzi sostna li qed isib kooperazzjoni mill-awtoritajiet Taljani dwar l-interconnector iżda li mistenni jkun hemm żieda fl-ispiża totali ta’ madwar 26 miljun.

Mizzi tkellem ukoll fuq temi oħra fosthom l-Arms, is-sistema ta’ vawċers, skemi ta’ pannelli foto-voltaiċi u l-futur tal-ħaddiema tal-Enemalta.