Il-Gvern Franċiż mistenni jimponi lockdown mill-Ħamis

Read in English.

Franza huwa l-ewwel pajjiż Ewropew li mistenni li jimponi lockdown biex jikkontrolla ż-żieda f’każijiet ta’ Covid-19. Il-lockdown, skond rapporti f’aġenżiji tal-aħbarijiet internazzjonali u midja Franċiża mistend li jidħol fis-seħħ nhar il-Ħamis li ġej.

Franza rrappurtat li 523 persuna oħra tilfu ħajjithom minħabba l-coronavirus matul l-aħħar 24 siegħa, l-ogħla rata f’jum wieħed mit-22 ta’ April, skont data tal-Ministru għas-Saħħa.

Id-data dwar ir-rata ta’ mwiet ta’ nhar it-Tlieta kienet tinkludi mwiet fi sptarijiet, li huma rrappurtati kuljum, kif ukoll 235 mewta fi djar tal-anzjani matul l-aħħar erbat ijiem.

Il-Ministeru rrappurta wkoll 33,417-il każ ġdid ta’ coronavirus ikkonfermati matul l-aħħar 24 siegħa – żieda mill-għadd ta’ 26,711-il każ irrappurtati nhar it-Tnejn, iżda anqas miċ-ċifra rekord ta’ 52,010 każijiet irrappurtati nhar il-Ħadd – biex b’hekk l-għadd totali tela’ għal 1,198,695 persuna infettata.

Meta mqabbel ma’ nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra, meta Franza rrappurtat 20,468 każ ġdid, l-għadd ta’ każijiet ġodda juri żieda ta’ aktar minn 60% f’ġimgħa waħda.

Għat-tieni jum konsekuttiv, aktar minn 1,000 persuna ddaħlu l-isptar minħabba l-COVID-19 – ġew rikoverati 1,194 persuna wara li 1,307 persuna ddaħlu nhar it-Tnejn, u 148 persuna jinsabu rikoverati fil-qasam tal-kura intensiva, mqabbla ma’ 186 nhar it-Tnejn.