“Mistenni l-akbar pakkett finanzjarju li qatt kellha Malta” – il-PM minn Brussell

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mar-Rappreżentanta Permanenti għal Malta fl-Unjoni Ewropea Marlene Bonnici f'Dar Malta.

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta mistennija tieħu l-akbar pakkett finanzjarju mill-Unjoni Ewropea minħabba li bħalissa fis-summit Ewropew, il-mexxejja qed jiddiskutu dwar il-fondi ta’ rkupru mill-pandemija tal-Covid-19 u anke dwar il-baġit Ewropew għas-sena snin li ġejjin.

Intervistat fuq One Radio, il-PM qal li l-affarijiet mhux sejrin tajjeb ħafna dwar id-diskussjonijiet li qed isiru għax mhux mistenni li jintlaħaq qbil illum.

Huwa speċifika li min-naħa ta’ Malta “jidher li rnexxilna naslu fejn nixtiequ” minħabba li qal li Malta mistennija tieħu l-akbar pakkett finanzjarju li qatt kellha.

Is-summit Ewropew kellu jintemm ilbieraħ iżda d-diskussjonijiet baqgħu għaddejjin mal-lejl u komplew anke llum. Il-PM fl-intervista qal li l-propoetti mhumiex tjabin ħafna li l-mexxejja Ewropej jaslu għal qbil illum u għaldaqstant ikun hemm bżonn aktar xogħol x’isir biex jintlaħaq qbil. Qal li l-urġenza hija l-aktar għall-fond ta’ rkupru mill-pandemija iżda anke dwar l-MFF li huwa l-baġit Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin li jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar li ġej.

Fil-5pm, il-kelliem tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel ippubblika ritratt tal-Prim Ministru Abela f’laqgħa ma’ Charles Michel u mal-Prim Ministri tal-Kroazja, r-Rumanija u tal-Bulgarija.

Malta tappoġġja l-kundizzjoni tas-saltna tad-dritt għall-fondi Ewropej

Il-Mexxej tal-PL qal ukoll li Malta qed tappoġġja l-kundizzjoni tas-saltna tad-dritt għall-fondi Ewropej. Spjega li l-proposta kienet li l-fondi Ewropej jintrabtu ma’ kemm il-pajjiż jirrispett al-valuri Ewropej fosthom is-saltna tad-dritt.

“Konna minn quddiem biex bħala stat membru fl-Unjoni Ewropea konna konvinti li nsaħħu l-valuri Ewropej”

Spjega li bħalissa għaddej dibattitu sħiħ fuq għadd ta’ prinċipji li permezz tagħhom se jitqassmu l-fondi Ewropej. Qal li għalkemm il-Ġimgħa filgħodu kien hemm diskussjoni tajba sa filgħaxija qal li ddeġenerat u lbieraħ il-mexxejja weħlu fuq il-prinċipju tas-saltna tad-dritt għandhux jintrabat mal-fondi Ewropej.

Il-PM Abela qal li hemm numru ta’ pajjiżi li għadhom ma laħqux qbil dwar dak li qed ikun propost.

Dwar il-pakkett ta’ rkupru minħabba l-pandemija, il-PM qal li Malta ma kinitx se tieħu l-massimu tal-fondi minħabba li r-rata ta’ qgħad inżammet baxxa. Aspett ieħor li qal li kien qed jidher negarttiv għal Malta biex tieħu l-massimu tal-fondi kienu l-prospetti tajbin għas-sena d-dieħla peress li Malta mistennija tkun l-ewwel pajjiż Ewropew li jirkupra u jerġa’ jibda jirreġistra tkabbir fl-ekonomija. Il-PM qal li fid-diskussjonijiet saru proposti min-naħa ta’ Malta biex fl-allokazzjoni ta’ fondi Malta ma tiġix ippenalizzata għas-suċċessi tagħha.