Read in English.
Fuq direzzjoni tal-gvern, l-Awtorità tal-Ippjanar bdiet il-proċess biex tneħħi kull limitu ta’ għoli għal bini fiż-żoni industrijali tal-Marsa u tal-Imrieħel.
Hekk kif fetħet perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika, l-awtorità ddefendiet il-pjanijiet li jiżdied il-bini għoli fiż-żewġ żoni. Hi qalet li hemm bżonn li jiżdied l-ispazju għall-intrapriża u l-industrija biex issostni t-tkabbir ekonomiku, tattira investiment ġdid u toħloq opportunitajiet ġodda ta’ xogħol.
B’hekk qed tipproponi tibdil parzjali tas-South Malta Local Plan u tas-Central Malta Local Plan.
Sottomissjonijiet mill-pubbliku jistghu jintbagħtu fuq industry.review@pa.org.mt sat-30 ta’ Ottubru.
Iż-żewġ żoni kienu ġew inklużi fil-policy high rise tal-gvern, però l-inklużjoni tal-Imrieħel kienet partikolarment kontroversjali, peress li ż-żona ma kinitx imsemmija fil-konsultazzjoni pubblika, imma ddaħħlet fl-aħħar minuta.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar ta’ dak iż-żmien, Michael Farrugia, kien ordna l-inklużjoni tal-Imrieħel fl-istess jum li kien iltaqa’ ma’ Yorgen Fenech, li snin wara spiċċa akkużat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-inklużjoni tal-Imrieħel wittiet it-triq għal proġett tat-Tumas Group – li kien immexxi minn Fenech – u tal-Gasan Group, biex jinbnew erba’ torrijiet high rise.