Mistenni aktar qtugħ ta’ dawl f’xi toroq

Qarrejja ta’ Newsbook.com.mt li joqogħdu l-Ħamrun u Santa Venera ilmentaw ma’ dan is-sit li matul dan il-lejl kienu mingħajr dawl, liema qtugħ fil-provvista tal-elettriku jidher li dam għal madwar sagħtejn.
Kelliem għall-EneMalta qal ma’ Newsbook.com.mt li minħabba li qed isiru t-tiswijiet meħtieġa xi drabi se jkun hemm bżonn li xi toroq ikunu mingħajr provvista tal-elettriku għal xi ħin, iżda dan ma jfissirx li se jkun hemm raħal sħiħ bla dawl.
Jirriżulta li t-tiswijiet qed isiru fid-diversi sub-stations fit-toroq u għalhekk għal xi ħinijiet xi toroq iżolati jistgħu jkunu affettwati minn qtugħ fid-dawl.
Ilbieraħ stess f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Korporazzjoni EneMalta qalet li minħabba x-xogħlijiet li qed isiru, fil-ħin li ġej xorta waħda mistenni jkun hawn problemi bl-elettriku.
Il-qtugħ fil-provvista tal-elettriku nhar it-Tlieta filgħaxija u bil-lejl wassal anke biex 9 titjiriet tal-Air Malta kellhom jittardjaw biex jaslu Malta.