“Misskom tistħu” – Il-Kamra tal-Ispiżjara lil min ħareġ

Ġnejna Triq il-Kosta

Il-Kamra tal-Ispiżjara qalet li min ħareġ minn daru u nġabar f’folol huwa irresponsabbli u missu jistħi.

Fuq Facebook, il-Kamra tal-Ispiżjara stqarret li l-ispiżjara qegħdin fuq quddiem f’dil-ġlieda kontra l-coronavirus, sabiex iservu lill-komunità, flimkien mal-ħaddiema fl-isptar. Saħqet li mhuwiex ġust li huma qegħdin jaraw kif jagħmlu biex iżommu l-katina tad-domanda għall-materjal farmaċewtiku għaddejja, filwaqt li n-nies jinġabru barra minkejja l-appelli li saru biex jibqgħu d-dar.

Hija kkundannat dan l-aġir, li jmur kontra l-appell li għamlet il-Prof. Charmaine Gauci, is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, filgħodu.

Ilbieraħ kienet il-festa ta’ San Ġużepp u l-ħwienet baqgħu magħluqin, filwaqt li l-maġġoranza tan-nies segwew id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u baqgħu ġewwa. Madankollu xorta ssib lil dawk li jħobbu jittantaw xortihom, xena li ma tantx qed tinżel tajjeb mal-Maltin li qed jibżgħu għal saħħithom.

Kien hemm bosta nies li nġabru fir-Rabat, f’Birkirkara, fil-Mosta u fil-Ġnejna.