Missjunarju Għawdxi fil-Peru lura Malta għal ftit żmien

Il-missjunarju Għawdxi f’Santa Roża l-Peru, Fr Anthony Zammit bħalissa jinsab Malta u waħda miż-żjariet tiegħu kienet lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia.

Waqt il-laqgħa ġew diskussi proġetti li Fr Anthony Zammit qed jaħdem fuqhom fil-Peru, fosthom High School u Respite Centre għal nies bi bżonnijiet speċjali.

L-Ispeaker għaraf ix-xogħol tal-missjunarji Maltin li jinsabu barra minn Malta u rringrazzja lil Fr Zammit tax-xogħol nobbli li qed iwettaq. 

L-Ispeaker wiegħed kull għajnuna li l-Parlament Malti jista’ jagħti għal dan ix-xogħol missjunarju.

Fr Anthony ilu saċerdot għal dawn l-aħħar 28 sena u qatta’ għaxar snin jagħmel xogħol pastorali fl-Awstralja fejn f'Warrawong fi New South Wales bena knisja ddedikata lil San Franġisk ta’ Assisi.

Qatta’ għaxar snin oħra jservi fil-kappella tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u erba’ snin bħala missjunarju fil-Peru.  Fr Anthony Zammit kien strumentali biex f’Arequipa nbniet id-dar tal-irtir u l-bini ta’ knisja f’Santa Roża.