Missjunarju bena belt ġdida għall-foqra f’Madagascar

“Il-bennej ta’ Alla”, “Madre Tereża bil-Qalziet”, “Is-suldat t’Alla” “L-appostlu tal-iskart”, “Ir-ribell ta’ Madagascar”. Dawn huma ftit mit-titli li ngħataw lil Fr. Pedro Opeka, li kemm il-darba kien nominat għall-Premju Nobel għall-Paċi, li ngħataw koll il-Legion d’Honor minn Franza u diversi premjijiet papali.
Twieled fl-Argentina fl-1948 minn ġenituri Sloveni li ħarbu mill-Ewropa wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Għal dawn l-aħħar 50 sena qed jaħdem bħala missjunarju fil-Madagascar – id-disa’ l-ifqar pajjiż fid-dinja.
Fr Opeka bħalissa jinsab f’Ruma fejn kellu wkoll laqgħa mal-Papa Franġisku. L-Arġentina, is-Slovenia u Monaco qed jorganizzaw ikla biex jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Akamaso li jmexxi hu.
Meta ltaqgħu din il-ġimgħa, il-Papa staqsa lil Fr Opeka jekk kienx ħaseb għas-suċċessur tiegħu għax xi darba rridu mmutu, għax jaf li mhux faċli jinstab sostitut għalih.
Fil-Madagascar ħoloq il-Fondazzjoni Akamaso. Meta kien jaħdem fl-inħawi rurali tal-pajjiż ma kienx jiflaħ jara t-tfal bil-ġuħ. Wara ftit intbagħat fil-kapitali biex imexxi s-seminarju iżda hemm is-sitwazzjoni kienet agħar u sab eluf ta’ nies iqallbu fiż-żibel ifittxu l-ikel. Tfal jorqdu fit-toroq fuq il-kartun u nies imutu fit-toroq bla ma jindifnu.
30 sena war, bl-għajnuna manwali tan-nies tal-lokal u bl-għajnuna finanzjarja minn karitajiet barranin,  Fr Opeka bena belt ġdida, maqsuma fi 18-il kwartier fejn hemm jgħixu fi djar dinjitużi madwar 23,000 persuna.  U l-proġett qed jitkabbar tant li hemm 3,000 ħaddiem jaħdmu fuq binjiet ġodda fosthom toroq u djar.
Inbnew ukoll skejjel, sptarijiet, faċilitajiet ta’ rikreazzjoni għall-familja u saħansitra stadium.
Madwar 10,000 persuna li jgħixu f’dan il-villaġġ jisimgħu ‘l quddiesa ta’ Fr Opeka kull nhar ta’ Ħadd.