Missjunarji Maltin jiċċelebraw il-festa ta’ San Pawl fil-Filippini

Fl-okkażjoni tal-festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl Appostlu, il-voluntiera tal-Mission Fund li qed jagħmlu esperjenza missjunarja fil-Filippini attendew għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija li saret fid-Dar tal-Formazzjoni tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl f’Manila, il-belt kapitali tal-Filippini.
Il-quddiesa kienet ikkonċelebrata minn Fr Marcellino Micallef OFM, Fr Hector Attard MSSP u Fr Stephan Mifsud MSSP.  Assistew ukoll id-djakni Rev Giovanni Tabone u Rev Alex Zammit li f’April li ġej se jiġu ordnati saċerdoti tal-istess Soċjetà Missjunarja.
Preżenti wkoll Fr Mark Demanuele MSSP, is-sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta’ Ġesú Sr Ġemma Fenech u Sr Ċelina Cini, kif ukoll Sr Marianne Farrugia tal-kongregazzjoni Ulied il-Qalb ta’ Ġesú (ta’ Nuzzo) u Sr C. Terenzia Maniscalco tal-kongregazzjoni Karmelitana.
Din l-okkażjoni laqqgħet flimkien lil dawn il-missjunarji Maltin u Għawdxin li qed iservu f’dan il-pajjiż enormi b’popolazzjoni ta’ 100 miljun biex ixandru l-Bxara lil dawk li huma inqas ixxurtjati.
Wara l-quddiesa komplew iċ-ċelebrazzzjoni b’ikla flimkien b’għanjiet tradizzjonali Maltin.