Missjunarji Kattoliċi jgħinu lill-emigranti Messikani

Jesse Esquedama grupp ta’ Missjunarji Oblati ta’ La Morita, qrib Tijuana fil-Messiku

In-nies li jgħixu fl-inħawi ta’ Tijuana fil-Messiku qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ influss kbir ta’ emigranti.  Hu stmat li madwar 6,000 emigrant mill-Amerika Ċentrali jinsabu f’dan il-post.

Fr Jesse Esqueda, Oblate tal-Kunċizzjoni (OMI) mill-provinċja Amerikana imexxi l-missjoni tal-kongregazzjoni f’Morita, li tmiss ma Tijuana. Hu spjega lill-Vatican News is-servizzi li l-kongregazzjoni tiegħu u l-komunità ta’ Tijuana qed jagħtu lil dawn l-emigranti.

Għal tliet ġimgħat dawn il-patrijiet ilhom joffru l-ħtiġijiet bażiċi lil grupp ta’ madwar 18-il emigrant fil-Youth Centre tagħhom. “Aħna qed nipprovdulhom kenn, ikel, ħwejjeġ u servizz ta’ pariri legali biex jaraw għandhomx każ għal ażil u anke residenza fil-Messiku u mbagħad ifittxu mpjieg.

Il-Patrijiet sabu erba’ postijiet għall-kiri għax ħasbu li jkun aħjar għal dawn in-nies li jkunu ftit aktar indipendenti.  Sabulhom ukoll impjieg biex ikunu jistgħu jħallsu l-kera u għadhom qed jipprovdulhom l-ikel u ħtiġijiet oħra.

Fr Esqueda qal li Karitajiet Kattoliċi kienu qed jiġbru provvisti għall-kamp li qed joffri kenn għal madwar 6,000 emigrant mill-Amerika Ċentrali filwaqt li n-nies ta’ Tijuana qed jagħtu kutri, ilma u ikel ieħor.

“Iżda hu diffiċli għal ħafna minnhom li joqgħodu fil-kju għal siegħat twal biex jieħdu l-ikel. Għalhekk hemm ħafna nies li qed isajjru ikel fid-dar tagħhom u mbagħad imorru fil-karrozzi tagħhom u jqassmu l-ikel minnhom. Aħna hekk għamilna. Ippreparjana mal-100 ikla u tajna platt sħun lil dawn l-emigranti,” qal Fr. Esqueda.

Hu ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda skomda. Hemm aktar minn 5,000 persuna li jridu jinħaslu u jridu wkoll l-ikel.  “Din hi probema. Bħalissa qed nikkonċentraw fuq il-każi ta’ emerġenza li wħud minnhom qed jieħdu fit-tul.  Qed nippjanaw ukoll fit-tul billi nibdew nipprovdu edukazzjoni lit-tfal”, qal il-patri.

Il-Patrijiet diġa’ qed jgħallmu l-Ingliż u klassijiet oħra mill-klinika tagħhom. Mal-grupp li qed jaħdmu miegħu aktar mill-qrib li diġa sabulhom dar u mpjieg, qed jittamaw li issa jifirxu l-ħidma tagħhom ma’ emigranti oħra.