Missjunarji jibqgħu f’Burkina Faso minkejja vjolenza kontinwa

Minkejja l-vjolenza kontinwa f'Burkina Faso l-missjunarju jibqgħu jaħdmu hemm

Minn Frar li għadda ‘l hawn kien hemm ħames attakki minn gruppi Jihadisti armati fl-istess żona ta’ Burkina Faso. Fl-aħħar attakk li seħħ ftit jiem ilu, inqatlu 15-il persuna. F’din iż-żona jaħdmu s-Sorijiet Missjunarji tal-Immakulata Kunċizzjoni li ilhom jaħdmu fil-pajjiż mis-sena 2000.

L-aġenzija tal-aħbarijiet FIDES din il-ġimgħa rrappurtat li s-sitwazzjoni f’Burkina Faso hi perikoluża ferm aktar minn dik fil-Mali fejn ukoll hemm sitwazzjoni tensa ħafna.

“Bħalissa m’aħniex f’periklu kbir” qalu s-sorijiet lill-aġenzija FIDES. “Hawn f’Bobodiulasso, naħdmu fil-qrib mal-parroċċa u mmexxu żewħ ċentri tad-djoċesi u huma miftuħa għal kulħadd.  Il-popolazzjoni hi relattivament żagħżugħa u għal din ir-raġni ftaħna wkoll librerija fejn għandna wkoll kmamar għall-istudju, amfiteatru għal-laqgħa, dibattiti, konferenzi u attivitajiet kulturali u edukattivi”.

Taħriġ għall-adulti

Mill-parroċċa ewlenija fejn jaħdmu dawn is-sorijiet, ħarġu tliet parroċċi oħra li jinsabu f’distretti differenti. Is-sorijiet joffru sessjonijiet ta’ taħriġ għall-adulti u jmorru jżuru l-morda fi djarhom.  Barra minn dan jorganizzaw dwar il-problema ta’ kuljum li jolqtu lill-poplu, fosthom in-nuqqas ta’  ilma, l-iskola tat-tfal, iġjene u lezzjonijiet ta’ qari. F’kull distrett hemm kumitat ta’ tmexxija u kummissjoni magħmula minn żgħażagħ.

F’kollaborazzjoni ma spiċjar Taljan li jispeċjalizza fil-kosmetiċi, fl-2005 twaqqfet Kooperattiva fejn 12-il mara kienu impjegati biex jaħdmu fiha u jipproduċu kosmetiċi ta’ kwalita kemm għas-suq lokali kif ukoll għall-esportazzjoni u issa qed jorganizzaw ruħhom biex jibdew iżidu l-volum ta’ kosmetiċi li jesportaw barra l-pajjiż.

“Għal xi snin il-komunità ilha tilqa’ tfajliet li jridu jgħixu ħajja konsagrata. Għandna kemm postulanti kif ukoll novizzi. Bħalissa hemm sitt novizzi qed jieħdu l-formazzjoni tagħhom u parti importanti min-novizzjat hu li jintegraw ruħhom fil-ħajja tal-poplu”, qalet is-superjura tas-sorijiet.

Novizzi u Postulanti

In-novizzi jagħmlu xahar sħiħ fl-irħula fi gruppi u joqgħodu man-nies li jiltaqgħu magħhom u jgħixu b’dak li jsibu fil-post u b’mod indipendenti. Tliet darbiet fil-ġimgħa jmorru jgħinu f’ċentru għas-saħħa mentali.  Soru żżomm kuntatt mal-morda u l-familji tagħhom u tabib jagħmel superviżjoni taċ-ċentru.

Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti li kien pubblikat il-ġimgħa li għaddiet, madwar 224,000 persuna f’Burkina Faso kellhom jitilqu minn djarhom jew jaħarbu mill-pajjiż minħabba l-vjolenza kontinwa li hemm.

In-Nazzjonijiet Uniti tistma li mill-bidu tas-snin 90, eluf ta’ nies minn Burkina Faso telqu minn djarhom għax imwerwra mill-vjolenza li hemm b’mod partikulari fit-tramuntana tal-pajjiż. Iżda minkejja dan il-periklu kollu, il-Missjunarji tal-Immakulta Kunċizzjoni baqgħu hemm, joffru s-servizzi tagħhom lill-poplu.