Missjoni u viżjoni għall-Maltin kollha – Il-PN

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-istqarrija ta’ viżjoni u missjoni li issa adotta hija waħda li jistgħu jidentifikaw magħha l-Maltin kollha. Fi stqarrija, il-PN qal li permezz ta’ dan qed jikkonferma li huwa partit taċ-ċentru f’sinfonija mal-aspirazzjonijiet tas-soċjetà Maltija.

Spjega li din l-istqarrija hija l-qofol ta’ riforma u tiġdid li l-Kunsill Ġenerali, b’vot unanimu, adotta nhar il-Ħamis li għadda.

Fil-jumejn li għaddew diversi persuni rreaġixxew għall-istqarrija tal-partit. Dawn kienu tal-fehma li filwaqt li l-missjoni u l-viżjoni jikkonservaw it-twemmin fundamentali li jispira l-partit, issa qed ikun aġġornat u żviluppat f’kuntest soċjali u kulturali li evolva fis-soċjetà Maltija matul l-aħħar 50 sena.

Il-PN spjega l-missjoni tiegħu li tgħid li l-PN għandu jkun “partit tan-nies b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi u li jaħdem b’risq id-dinjità umana.” Intant, “il-viżjoni tal-partit hi ispirata mill-ogħla valuri umani li huma l-bażi tad-dinjità inaljenabbli tal-bniedem. Fid-dikjarazzjoni tiegħu l-partit jagħti l-ogħla post lill-libertà, id-demokrazija, l-ekwità, l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali fi Stat fejn tirrenja s-Saltna tad-Dritt.”

L-istqarrija tkompli tgħid kif il-partit afferma l-karattru sekulari u lajk tiegħu u jqis il-politika bħala vokazzjoni ta’ servizz u bħala għodda fejjieda fl-interess tan-nies kollha, huma x’inhuma l-abbiltà, is-sess, l-orjentament sesswali, ir-razza, it-twemmin reliġjuż jew l-identità tal-ġeneru.

Ara d-dettal fl-estratt hawn taħt ta’ Artikoli 1 u 2 tal-Statut ġdid tal-PN adottat unanimament il-Ħamis 25 ta’ Ġunju.

“Isem

1.  (1)  L-isem uffiċjali tal-partit huwa Partit Nazzjonalista. Il-Partit, imwaqqaf

       f’Malta u Għawdex,  huwa membru tal-Partit Popolari Ewropew (PPE).

  (2) Il-Partit Nazzjonalista huwa partit tan-nies b’vokazzjoni li jservi l-interess tal-ġid komuni tal-poplu Malti u Għawdxi u li jaħdem b’risq id-dinjità umana.

Viżjoni u Missjoni

2.      (1)     L-għan ewlieni tal-Partit Nazzjonalista hu l-iżvilupp tan-nazzjon b’mod l-iktar sħiħ, ġust, demokratiku u sostenibbli għat-tgawdija ta’ kulħadd bil-ħarsien u t-twettiq tal-ġid komuni.

(2)                 Il-pern tal-missjoni tal-partit huwa l-benesseri ta’ kulħadd, f’rispett sħiħ għall-valur tal-ħajja umana, għad-dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna umana u għall-jeddijiet tagħha fi fraternità ta’ bnedmin f’umanità waħda b’diversità ta’ kulturi.

(3)                 Il-partit jimpenja ruħu li jaħdem għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja ta’ kull persuna msejsa fuq il-libertà, id-demokrazija, l-ekwità, l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali fi Stat fejn tirrenja s-Saltna tad-Dritt.

(4)                 Il-partit iħares lejn il-politika bħala l-ogħla sejħa u impenn għal servizz b’rieda tajba  fl-interess tal-poplu u bħala għodda fejjieda u lajka fir-realtà tal-ħajja ta’ kuljum li jaffaċċjaw in-nies.

(5)         Fil-ħidma tiegħu l-partit ifittex li l-Istat ikun il-qaddej ta’ niesu. Dan għandu jsir billi d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod trasparenti dejjem fl-eqreb livell tan-nies skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà bis-sehem attiv ta’ kull ċittadin.

(6)         Il-partit jemmen bis-sħiħ li f’dinja globalizzata s-solidarjetà hija t-tarka ewlenija biex ħadd ma jibqa’ lura fil-mixja tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali u fis-servizzi li joffri l-Istat.

(7)       Il-partit jibqa’ jgħasses biex għall-ġejjieni l-poplu jkompli jgawdi l-aqwa ġid. Għalhekk jispikka s-sehem ewlieni tiegħu fil-modernizzazzjoni ta’ pajjiżna. Il-kisbiet tal-Indipendenza u s-sħubija fl-Unjoni Ewropea huma fost il-kisbiet storici li sawruna f’nazzjon sovran, modern u Ewropew.

(8)   Filwaqt li jħaddan soċjetà dejjem iżjed pluralistika u multi-kulturali, il-partit jemmen f’soċjetà inklussiva fejn tixxettel l-għaqda b’kultura ta’  djalogu fir-rispett tad-diversità ta’ fehmiet u twemmin, u fejn  jopponi kull forma ta’ mibegħda u vjolenza.

(9)   Il-partit iqis id-dinja bħala d-dar komuni tagħna u tal-ġenerazzjonijiet futuri. Għaldaqstant jagħraf li l-aqwa mezz biex iseddaq kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd hu li bi prijorità jħares u jippromwovi l-ambjent, ir-riżorsi naturali, il-beni komuni u l-ispazji pubbliċi. Il-partit iqis l-ambjent bħala parti essenzjali mill-wirt komuni tal-bniedem. F’dan kollu l-partit jagħti prijorità lit-tibdil fil-klima u dan jagħmlu b’kejl li jqis il-ġustizzja ambjentali u l-interessi tal-ġenerazzjonijiet futuri.

(10)  Il-Partit iwettaq dawn il-prinċipji u jimpenja ruħu li jaħdem biex:

a)    kulħadd jiżviluppa u  jħares saħħtu, mill-konċepiment sal-aħħar nifs, bl-enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, f’familja mibnija fuq l-imħabba, mingħajr id-dellijiet ta’ faqar, diskriminazzjoni, abbuż u esklużjoni;

b)    kulħadd, tul ħajtu, ikollu l-opportunità għall-edukazzjoni u li jiżviluppa l-ħiliet individwali tiegħu bl-għajnuna tal-aqwa tagħlim u appoġġ personalizzat, u li jipparteċipa bis-sħiħ fil-ħajja tal-familja, tax-xogħol u tas-soċjetà ċivili;

c)    kulħadd jieħu sehem fl-iżvilupp ekonomiku li jkattar xogħol dinjituż imħallas b’mod ġust, u f’qafas ta’ istituzzjonijiet li jħarsu l-interessi tal-ħaddiema u l-impriżi, partikolarment dawk żgħar u medji, u li jippromwovu l-inizjattiva u l-imprenditorjalità b’investiment qawwi fil-faċilitajiet tar-riċerka, ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni;

d)    kulħadd jibbenefika mit-tkattir tal-faċilitajiet kulturali u jistagħna fl-għarfien u l-imħabba tal-wirt storiku, kulturali u tal-arti biex nibqgħu niġġeddu soċjalment bil-ħiliet kreattivi u artistiċi tal-poplu tagħna; u

e)    il-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri jkollhom Stat li jibqa’ jagħmel kemm jista’ biex iseħħu l-paċi u l-ġustizzja f’Malta, fl-Ewropa u fid-dinja, l-aktar fil-Mediterran fejn jiltaqgħu u jitħalltu ċiviltajiet differenti.

(11)    Il-partit jimpenja ruħu li jimxi fuq dawn il-prinċipji fl-istess waqt li jfittex li jaħdem bis-sħiħ ma’ kull persuna, entità u mal-volontarjat fis-soċjetà li għandhom għal qalbhom il-ġid komuni tal-poplu Malti u tal-bnedmin.”