Awdjo: X’qalu fuq xulxin Peppi u Katriel?

Iċ-ċkejken Katriel, li seraq il-qlub ta’ ħafna Maltin għandu missjoni ġdida issa li l-Istrina għaddiet. Hu jixtieq li  jkun volontier, jibda jaqta’ x-xagħar ta’ min irid jagħtih għall-parrokki biex jintlibsu minn dawk li jaqalgħhom xagħarhom bil-kimoterapija.
Waqt intervista esklussiva ma’ Newsbook.com.mt, Katriel spjega kif meta kien iżgħar waqagħlu xagħru u dwar dan kien inkwieta ħafna. Għalhekk ix-xewqa tiegħu hi dik li ladarba jikber, jgħin sabiex nies bħalu, b’mod speċjali nisa u bniet, ikunu jistgħu jkollhom parrokki x’jilbsu wara li jieħdu t-trattamenti tal-chemo.
“Jiena nixtieq ngħinhom, kieku nista' mmur x’imkien li naf li jaqtgħu x-xagħar għal parrokki mmur bil-qalb kollha ngħinhom,” kompla jgħid Katriel.
“L-Istrina kollox għalija”
Għal Katriel, l-Istrina tfisser kollox. Hu jgħid li l-Istrina għenitu ħafna u spjega kif meta tiġi marda kiefra fuqek u jkollok issiefer, ma jkollokx daqshekk flus. “Inti tkun mort vaganza tfaddal xi ħaġa. Imma ta’ bla ħsieb ma jkollokx,” kompla jgħid.
“Ċempilli Peppi u qalli: Ejja, ejja għax it-telefowns ma baqgħux kif kienu meta kien hawn inti”
Huwa u jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu fl-Istrina spjega kif għall-bidu beda jibża’ li mhux ħa jmur tajjeb. Minkejja dan, kompla jgħidilna kif meta mar id-dar biex jistrieħ, għax il-kundizzjoni tiegħu ma tħallihx jibqa’ fuq saqajh fit-tul, Peppi ċempillu biex imur lura l-Istrina.
“Ċempilli Peppi u qalli ‘ejja, ejja għax it-telefowns ma baqgħux kif kienu meta kien hawn inti’. U erġajt mort, jiġifieri lanqas irqadt,” spjega Katriel.
“Katriel kien ta’ ispirazzjoni enormi għallija” – Peppi Azzopardi
F’intervista separata, Peppi Azzopardi qal ma’ Newsbook.com.mt, li għalih Katriel kien ta’ ispirazzjoni enormi. Huwa jgħid kif minkejja li t-tifel marid serjament, huwa tifel mimli kuraġġ u ta’ ħafna valuri.
“Jien waqt l-Istrina bdejt ngħidilhom lin-nies għidulu prosit, għidulu bravu, però ispiraw ruħkom mill-affarijiet li qed jgħidilkom u ċemplu biex bħalu tgħinu lill-oħrajn,” kompla jgħid Peppi.
“Il-President l-aqwa mara li hawn fid-dinja”
Katriel spjega kif għalih, il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, hija l-aqwa mara tad-dinja. Huwa spjega li kemm-il darba ċċempillu, speċjalment meta jkun l-isptar jew l-Ingilterra.
Irrakkonta wkoll dwar kif darba l-President marret iżżuru l-isptar, u din iż-żjara ħallietu verament ferħan.
“Jiena ngħid m’hemmx kuluri, m’hemmx reliġjonijiet, kulħadd magħqud”
Filwaqt li rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu tad-donazzjonijiet li taw biex għaqdu s-somma rekord ta’ ‘l fuq minn €6 miljun, Katriel semma wkoll l-importanza li nibdew inħarsu lejn il-poplu Malti bħala poplu wieħed. Insista li m'għandux ikun hemm iktar kuluri u reliġjonijiet iżda poplu wieħed magħqud.