Missio tħeġġek tagħżel il-missjoni tiegħek

Missio Malta

Ix-xahar t’Ottubru 2019 ġie magħżul mill-Papa Franġisku fl-2017, bħala Xahar Missjunarju Straordinarju. Fuq il-mida soċjali qed tinħoloq kampanja ssaqsi ‘X’inhi l-missjoni tiegħek?’ li fiha qed tiġbed il-qlub u l-imħuħ madwar id-dinja.

Eluf ta’ nies mill-Ewropa, l-Amerika, l-Afrika u l-Asja-Paċifika ngħaqdu mal-moviment sabiex jaqsmu dak li qed iħossu billi jużaw il-#IlMissjoniTiegħi fuq Facebook, Instagram, Twitter u Snapchat.

L-organizzazzjoni Missio Malta qed tmexxi din l-inizjattiva f’Malta u f’Għawdex, u l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-organizzazzjoni, Robert Farrugia, qal li dan huwa messaġġ sempliċi u li jgħaqqad. Il-mistoqsija li din il-kampanja ssaqsi hija ‘x’ini l-missjoni ta’ kull persuna?’

Il-Papa qal li “Alla se jistaqsina jekk ħriġnix għonqna u rriskjajnix, anke jekk stajna niġu umiljati.” Il-Papa Franġisku, fl-indirizz tiegħu  waqt it-tnedija ta’ dan ix-xahar qal li “dan ix-Xahar Missjunarju Straordinarju għandu jġibna f’postna u jimmotiva sabiex inkunu attivi biex nagħmlu t-tajjeb. Mhux in-nutara tal-fidi u l-kustodji tal-grazzja, imma missjunarji.”

Matul dan ix-xahar l-Uffiċċju tal-Missio qed jippjana diversi avvenimenti speċjali fosthom il-ġbir ta’ fondi u formazzjoni fl-iskejjel u l-parroċċi matul din is-sena kif ukoll inizjattivi bħal #Il-MissjoniTiegħi li l-għan tagħhom huwa li jiffaċilitaw fin-nies, fiż-żgħażagħ u fl-anzjani, fehim tal-irwol li għandhom fil-missjoni.

It-tema ta’ dan ix-xahar hija ‘Mgħammdin u Mibgħuta’ li skont il-Papa Franġisku “iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan ix-xahar tgħinna l-ewwel u qabel kollox biex niskopru mill-ġdid id-dimensjoni missjunarja tal-fidi tagħna f’Ġesù Kristu, fidi ta’ grazzja mogħtija lilna fil-magħmudija,” Dan ix-xahar kollu, nies minn madwar id-dinja qed jingħaqdu flimkien biex jagħtu, jikkomunikaw u jxandru t-teżor li huwa l-missjoni tagħhom fid-dinja.

Għal aktar informazzjoni dwar ix-Xahar Missjunarju Straordinarju żur www.missio.org.mt/emm kif ukoll il-paġna ta’ Facebook.