​Missila tgħaddi żbrixx ma’ ajruplan Ingliż

Ajruplan Ingliż b’189 passiġġier abbord irnexxielu jimmanuvra biex għadda 300 metru biss 'il bogħod minn missila. L-ajruplan kien qed joqrob lejn Sharm El Sheikh fit-23 t’Awwissu li għadda.
Il-gazzetta Ingliża Daily Mail irrappurtat li l-bdot tal-ajruplan tal-kumpanija Thomson kellu jieħu azzjoni biex jevita l-missila.
Iktar tard l-ajruplan niżel b’mod sigur u l-passiġġieri ma ġewx mgħarrfa li kienu biss ftit sekondi ‘l bogħod minn traġedja. It-titjira kienet telqet minn Londra.
Skont is-servizzi sigrieti tal-Ingilterra, ġiet użata missila Amerikana jew Russa li twassal sa 4,000 metru bogħod.
Din l-aħbar ħarġet fl-isfond ta’ interċetazzjonijiet li fihom ġiħadisti Ingliżi jinstemgħu jirreferu għal aġent tal-Istat Iżlamiku fl-ajruport ta’ Sharm el-Sheikh. Din il-konverżazzjoni saret ftit minuti biss wara li l-ajruplan Metrojet iġġarraf fis-Sinaj u qatel l-224 persuna abbord s-Sibt li għadda.
Fl-istess interċettazzjonijiet, il-membri tal-ISIS allegatament kienu qed jispjegaw lil xi membri tagħhom li kienu fl-ajruport, dwar kif tispara missila mill-art biex tniżżel ajruplan.