Awdjo: “Missieru ġie għandna; issa kuntent”; l-għajnuna li toffri d-Dar tal-Providenza

“Missieru kellu xi problemi ta’ saħħa, kellu jiġi għandna, u llum jinsab kuntent, qed jaħdem ukoll, u għandu l-ħajja tiegħu mimlija. Kważi qas ikun irid jitlaq mid-Dar!”

Dan kien kliem Fr Martin, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, fuq kif donazzjonijiet jgħinu lil nies li jfittxu l-għajnuna tad-Dar fil-ħajja tagħhom. Għada se ssir il-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza.

Fr Martin tkellem dwar kif id-Dar toffri servizzi residenzjali lil nies b’diżabbiltà biex ikollhom l-aqwa kwalità ta’ ħajja possibbli. Huwa spjega wkoll kif id-Dar dejjem tkun qed taħdem fuq diversi proġetti differenti, li din is-sena kienu li jiftħu Dar oħra l-Balluta, u li jirranġaw Dar oħra fil-kommunità. Dan apparti minn proġetti oħra fid-Dar stess li dejjem ikomplu jtejjbu l-kwalità tal-ħajja għar-residenti.

Apparti minn dan, din-is sena kien hemm residenti li kellhom l-opportunità biex ikollhom impjieg, li Fr Martin saħaq li huwa “dritt” li qed jiġi rrispettat. Spjega li min sab impjieg sejjer tajjeb ħafna, u qed jagħti kontribut lis-soċjetà.

Illum għaddejjin l-aħħar irtokki għall-Festa ta’ Ġenerożità, fejn hemm armata tinda kbira fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, bil-lest għal għada. Se jkun hemm spettaklu mużikali minn kantanti Maltin bejn l-10am u 12am.  Se jkun hemm ukoll numru ta’ voluntiera jilqgħu d-donazzjonjiet tal-pubbliku kif ukoll iwieġbu t-telefonati.

Din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi se tkun imxandra live fuq  TVM2, ONE TV u NET TV.  Fis-Sala ta’ ħdejn il-kappella se jkun hemm bosta xogħolijiet tal-arti għall-bejgħ minn artisti Maltin u barranin.

Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda b’quddiesa fil-Kappella tad-Dar mill-E.T. Mons Charles J. Scicluna fid-9am.  Fis-7pm se jkun hemm quddiesa oħra fil-kappella tad-Dar.

Servizz ta’ park-and-ride se jkun offrut li jitlaq mit-triq tal-mitjar l-antik ta’ San Niklaw. Jekk ma tistgħax tattendi, tista’ tagħmel d-donazzjoni tiegħek bit-telefon:

Donazzjoni         €10            –        516 02 012

Donazzjoni         €15            –        517 02 013

Donazzjoni         €25            –        518 02 014

SMS Donazzjoni   €7             –        506 18 922

Pledge line                           –        21462759