“Missieri għamilni prostituta; nannti għallmitni”

L-ewwel persuna li prostitwixxa lil Caroline meta kienet għadha tfajla kien missierha stess. Nannitha għallmitha kif tagħmel ix-xogħol.

Donna tisħaq li dak li jipprostitwixxiha huwa l-maħbub tagħha, peress li jagħtiha platt ikel u sodda kuljum. Minkejja li salvaha, jistenniha li tkompli taħdem.

Meta tħares lejn il-ġenerazzjonijiet tal-familja ta’ Louise, tinduna li m’hemm l-ebda missier. Hemm biss nisa li ħarġu tqal mix-xogħol tal-prostituzzjoni.

Dawn huma stejjer ta’ qsim il-qalb tan-nisa li jaħdmu bħala prostituti. Dr Anna Borg, li hija lekċerer fl-Università ta’ Malta, tkellmet waqt konferenza dwar it-Traffikar tan-Nies u l-Prostituzzjoni. Tkellmet ukoll Dr Anna Vella li hija tabib u tifforma parti mill-kumitat li jieħu ħsieb Dar Hosea, li huwa ċentru li joffri l-għajnuna lil nies li jaħdmu fil-prostituzzjoni.  It-tnejn li huma saħqu li n-nies li jiġu traffikati jew li huma prostituti m’għandhomx għażla f’dak li jagħmlu, għaliex huma nies vulnerabbli.

Dr Vella spjegat li l-kunċett li l-prostituzzjoni huwa għażla huwa kunċett żballjat, għaliex in-nisa li jaħdmu f’dan ix-xogħol huma mħeġġa minn ta’ età żgħira jew huma sfurzati jaħdmu biex jgħixu. Kompliet tgħid li hemm konnessjoni b’saħħitha ħafna bejn il-prostituzzjoni, problemi bid-droga u problemi ta’ saħħa mentali li jaf ikollhom x’jaqsmu ma’ abbuż sesswali.

Dar Hosea toffri l-għajnuna lil nies bħal dawn sabiex jaħarbu mix-xogħol. Dan iċ-ċentru ma jsaqsix mistoqsijiet jew iġiegħel bidla fil-ħajja, iżda joffri ikel, ħwejjeġ, saqaf fuq rashom u mħabba. Apparti minn dawn, joffri wkoll kontraċettivi u pariri. Biż-żmien, spjegat Dr Vella, isaqsu għal iżjed għajnuna: għal problemi ta’ għajxien, għajnuna biex jikkuntattjaw lit-tfal u familjari tagħhom, għal trattamenti mediċi u affarijiet oħra. Saħqet li dawn l-għajnuniet joffru alternattiva lil dawn in-nies, u tagħtihom lura d-dinjità biex ikunu jistgħu jitilqu mix-xogħol tal-prostituzzjoni.