Missier u iben iwieġbu mhux ħatja li weġġgħu pulizija waqt tieġ

Żewġ persuni ngħataw il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja li weġġgħu uffiċjali tal-Pulizija fi ġlieda waqt tieġ f’Ħal Far.
L-iben tressaq il-Qorti akkużat li attakka uffiċjali tal-Pulizija, li kkawża ġrieħi ħfief fuq wieħed minnhom, li wettaq ħsara fuq propjetà tal-Pulizija u li kiser il-paċi pubblika.
Missieru tressaq akkużat li rreżista l-Pulizija bi vjolenza u ma ħallihomx iwettqu dmirhom.
Il-każ seħħ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda fis-1am.
Fil-Qorti nstema’ kif surġent tal-Pulizija qala’ daqqa ta’ ponn meta pprova jferraq lill-iben li kellu xi jgħid ma ħuh.
Malli ra dan, kuntistabbli mar jiġri fuq l-akkużat u kien hawn li l-missier attakkah.
L-avukat tal-akkużati qal li ma kien hemm l-ebda xhud li seta’ jittella’ jixhed quddiem il-Qorti u talab il-ħelsien mill-arrest.
Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera saħqet li l-Pulizija qegħdin hemm biex jipproteġu lill-pubbliku u mhux biex jiġu attakkati.
Hija tat il-ħelsien mill-arrest lill-missier u l-iben u ordnat li jiffirmaw il-logbook darba f'ġimgħa, ma jistgħux jħallu l-pajjiż u jħallsu depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.